Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ tal-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
“Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” |
Dan min hu? Id-dixxipli stagħġbu għax raw u semgħu lil Ġesù jwaqqaf ir-riefnu u l-baħar imqalleb b’kelma: “iskot.” Issa huma kienu ġa raw lil Ġesù jagħmel diversi mirakli ta’ fejqan (inkluż ta’ wieħed bil-ġdiem), u jkeċċi x-xjaten, “u fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten” (Mk 1, 34). Donnu qatt mhu biżżejjed. L-ebda sinjal. L-ebda miraklu. L-ebda tagħlim. Tgħid għadna hekk aħna? Insaqsu żgur bħad-dixxipli għaliex donnu jibqa’ rieqed fil-maltempati ta’ ħajjitna: gwerer, mard, inkwiet ma’ wliedna u mal-ġenituri tagħna, inġustizzji fuq ix-xogħol, klima ta’ taħt fuq, faqar jiżdid, eċċ. Imma r-risposta ta’ Ġesù għal dawn l-isfidi reali hi stramba.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”
“Mela ma għandkomx fidi?” Jeħtieġ li nkunu għaqlin hawn. Jeħtieġ li nwieġbu: Għandna fidi? X’tip ta’ fidi qed jippretendi minna l-Mulej? Mhix sempliċi l-fidi tal-Kredu. Hi fidi ta’ riskju. Fidi fih li kapaċi jmexxi, ifejjaq, ifarraġ, jeħles … jikkalma l-maltempata tagħna li ninsabu fiha. Għandna dil-fidi? Il-Knisja għandha din il-fidi quddiem il-kriżi tal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi? Għandha din il-fidi quddiem il-kriżi ta’ Nsara li saru bierda u ostili għar-reliġjon? U jien? Għandi din il-fidi quddiem ir-riefnu li qed jhedded li jeqridni u jifnini?
U qabadhom biża’ kbir
Din stramba. Ġesù għadu kemm jistaqsihom għaliex qed jibżgħu mir-riefnu, u huma, wara li waqqaf ir-riefnu, bdew jibżgħu bil-kbir minħabba fih! Jidher li kull meta Alla jagħmel sinjal f’ħajjitna jew f’ħajjet il-Knisja, tant ikun għaġeb kbir li aħna nibżgħu minnu. Kull darba li jqum moviment tal-Ispirtu fi ħdan il-Knisja—bħal meta qamu l-movimenti ta’ San Franġisk u San Duminku u oħrajn iktar riċenti—aħna nibżgħu tant li nirrifjutaw li naċċettaw li din hi ħaġa ta’ Alla. Ġieli tiġri fil-parroċċi. Ġieli tiġri fil-familji. Tajjeb li nsaqsu: X’qiegħed jagħmel Alla llum fi gżirietna li qed ibeżżagħna? X’għemil qed naraw jew nisimgħu fostna li ma nistgħux nifhmuh qiegħed iżommna milli nemmnu tassew?
Talba
Mulej, bħala Nsara fuq laqxa f’nofs ta’ baħar, lilna wkoll xi kultant tonqosna l-fidi, u nħarsu lejn ir-realtà mill-perspettiva tal-biża’ flok mill-istennija tal-azzjoni tiegħek. Agħtina qalb miftuħa u moħħ kapaċi jgħarbel sabiex dak li tnibbet fina u f’ħaddieħor ikollna l-kuraġġ li nilqgħuh b’ferħ u mhux b’biża’.
The post Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu? appeared first on Behold.
Ikkummenta