L-Erbatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B
O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Il-liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd hija ddominata mill-konfrontazzjoni tal-profeta u l-poplu. Fl-Ewwel Qari—li jservi ta’ sfond għal dan ir-rakkont—Alla lill-Profeta Eżekjel (2, 2-5), malli jsejjaħlu, mill-ewwel jurih li l-messaġġ li kien ser iwassal ma kienx ser jiġi milqugħ għax qalb il-poplu kienet magħluqa għal dak li Alla ried jgħidilhom.
Ix-xena fl-Evanġelju tiftaħ b’mod kważi romantiku—il-profeta li jerġa’ lura d-dar, bil-laqgħat, it-tifkiriet u s-sens ta’ familjarità li dan iġib miegħu—tgħaddi għall-istagħġib quddiem l-għarfien li xi ħaġa nbidlet f’dak li kienu ilhom jafuh ħafna, u tispiċċa tiddeġenera ruħha f’bibien magħluqa u tfixkil. Fil-verità, ma kien inbidel xejn f’Ġesù; issa beda joħroġ fid-dieher dak li kien moħbi imma hemm sa mill-bidu. Li kien forsi nbidel kien il-fatt li hawn Ġesù ma reġax lura sempliċiment bħala wieħed minnhom imma bħala dak li qed iwasslilhom l-aħbar it-tajba ta’ Alla. U, għalkemm kienu jmorru fis-sinagoga, ma kinux lesti jisimgħu dak li verament Alla kien qed jgħidilhom permezz tal-Kelma tiegħu magħmula laħam.
Lilna wkoll, Alla li jiġi daqshekk viċin tagħna jista’ jkun li jfixkilna (jiskandalizzana), għax huwa Alla li jisfidana fil-konkretezza tal-ħajja tagħna; jisfidana dwar il-ħajja tagħna li hu stess għexha u ġarrabha. U, flok ninfetħu u nemmnu li Kristu jista’ u jrid imiss il-ħajja tagħna, nispiċċaw biex ningħalqu. Ningħalqu għall-ilħna tal-‘profeti’ li permezz tagħhom ikellimna sabiex jurina t-triq ’il barra mill-jasar tal-ħsieb u l-modi limitati tagħna. Ningħalqu għall-aħbar it-tajba għax, meta nilqgħuha verament, ma jistax ikun li tħallina l-istess. Ningħalqu għax naħsbu li nafu sew lill-profeti u allura ma naċċettawx li Alla jinqeda bi bnedmin ordinarji imma li jħallu l-ordinarjetà tagħhom issir wisa’ għalih.
Talba
Mulej, kultant naħseb li nafek biżżejjed, u allura nista’ nikkalkula kull pass tiegħek u nista’ nikkontrollak. Imma inti dejjem tiġi mill-ġdid tiltaqa’ miegħi, mhux bil-kelma li nixtieq nisma’, imma bil-Kelma li neħtieġ. Agħmel li qalbi tkun miftuħa biex tisma’, u wkoll attenta biex tara lil hinn mid-dehra ta’ barra u tasal sal-qalba fejn isseħħ il-laqgħa tiegħek mal-profeti li tibgħatli.
The post Baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom appeared first on Behold.
Ikkummenta