avvizi parrocca

Avviżi – 26.01.2025

Avviżi –  26.01.2025 –  It-3 Ħadd ta’ matul is-Sena u Ħadd il-Kelma ta’ Alla

  1. Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-‘Ħadd tal-Kelma ta’ Alla’ li qed niċċelebraw illum, fuq mejda ħdejn il-bieb prinċipali tal-knisja hemm il-ktejjeb ‘Kliem il-Ħajja’; l-edizzjoni għall-ewwel erba’ xhur tas-sena li tistgħu tieħdu b’xejn. Inħeġġukom tabbonaw f’dan il-ktejjeb b’qari u ħsieb mill-Kotba Mqaddsa għal kull ġurnata. Aktar informazzjoni fl-aħħar paġna ta’ din l-edizzjoni jew kellmu lill-Arċipriet.
  2. Illum 26/01:
    • Fid-9.30am – Quddiesa bis-sehem tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħad-Dingli, b’ringrazzjament lil Alla tal-40 sena mit-twaqqif tal-banda.
  3. It-Tlieta 28/01:
    • Il-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’ ser jorganizza ħarġa għal Lascaris War Rooms, ġewwa l-Belt, u wara kafe’/te l-Barrakka ta’ Fuq. Tluq fid-9:00am. Kitba għand il-membri tal-grupp sa għada, it-Tnejn.
  4. Il-Ħamis 30/01:
    • Fis-7.00pm – Adorazzjoni komunitarja quddiem Ġesù sagramentat.
  5. Is-Sibt 01/02 – nibdew tmiem il-ġimgħa li fih niċċelebraw il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju, il-Kandlora, u Jum il-Ħajja Kkonsagrata.
    • Fis-6.30pm – Quddiesa bit-tberik tax-xemgħa li hi simbolu ta’ Ġesu’, id-dawl tagħna. Għal din il-quddiesa qed nistiednu b’mod speċjali lit-tfal li din is-sena ser jirċievu s-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina jew tal-Griżma tal-Isqof, u l-ġenituri tagħhom, biex jiġu u jġibu xemgħa magħhom.
  6. Is-Sibt 08/02:
    • Mill-4.30pm ‘il quddiem se jkollna Afternoon Tea u tombla fiċ-Ċentru Parrokkjali. Kitba fis-sagristija jew kif indikat fil-paġna ta’ facebook “Festa Santa Marija – Ħad-Dingli”.
  7. Aġġornament dwar xogħlijiet u proġetti:
    • Tkompla r-restawr tal-ganutell tal-girlanda u l-bukketti ta’ madwar l-istatwa titulari ta’ Santa Marija, li grazzi għall-kontribuzzjonijiet tagħkom l-fondi għalihom inġabru.
    • Permezz ta’ ftehim li l-parroċċa għandha mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi: għaddej ix-xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa tal-bibien prinċipali tal-Knisja, u f’Dar Dun Ġwann Abela nħatt il-wiċċ tal-bitħa u qed issir mill-ġdid biex b’hekk il-bitħa se titkabbar u jkollha użu aħjar. Nirringrazzjaw lit-tmexxija tad-dipartiment u l-ħaddiema.
    • Fil-Knisja, fl-aħħar jiem żarmajna l-pitturi f’wieħed mill-kappelluni biex isir it-tqaxxir u dak kollu meħtieġ biex tiġi applikata żebgħa ġdida lill-ħitan. Kif tistgħu taraw dan hu xogħol bżonnjuż u se jikkumplimenta x-xogħol li qiegħed isir biex ikollna żewġ niċeċ ġodda: għall-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista u għall-Anġlu tal-Blandun. Ser ikunu qegħdin induru wkoll is-sagristija prinċipali u l-erba’ bibien li mis-sagristiji jagħtu għall-knisja.
    • Qed inħejju wkoll biex tibda t-tieni fażi tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid għall-knisja minn ġewwa. F’din il-fażi se jsir dawl għas-saqaf, in-navi u n-niċeċ fihom. Parti mill-ispiża ta’ dan ix-xogħol se titħallas minn fondi li l-parroċċa kisbet bi skema tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
    • Nifhmu li dawn ix-xogħlijiet jistgħu jikkawżaw xi inkonvenjent, li qed nagħmlu ħilitna biex ikun l-anqas possibbli. Tapprezzaw li dan kollu qed isir għall-aħjar tal-knisja tagħna. Nirringrazzjaw lil kull min qiegħed jagħtu sehemu u lil kulħadd għall-koperazzjoni, speċjalment bl-għotjiet tagħkom fil-ġbir. Il-ġabra speċjali tal-ewwel Ħadd tax-xahar, fosthom dik tal-Ħadd li ġej 02/02, se tkun biex niġbru l-fondi għall-ispejjeż sostanzjali ta’ dawn ix-xogħlijiet. Min jixtieq jista’ jħalli wkoll donazzjonijiet privati mal-Arċipriet jew is-saċerdoti. Matul din il-ġimgħa daħlu € 20 għal dan l-għan. Nirringrazzjakom.
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.