Inti huwa dak li għandu jiġi?

Inti huwa dak li għandu jiġi?

It-Tielet Ħadd tal-Avvent Sena A

Kolletta

O Alla, inti taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qjies li nġarrbu fit-twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Alla ġej biex isalvakom.
Iż 35:1-6a,10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkopptejn imriegħda.
Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 146(147):7,8-9a,9bc-10

R/. (Iż 34:4): Ejja, Mulej, ħa ssalvana.
jew
R/. Hallelujah.

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

Qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.
Ġak 5:7-10

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż tal-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.

Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Iż 61:1

Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R. Hallelujah.

Inti huwa dak li għandu jiġi, jew se nistennew lil ħaddieħor?
Mt 11:2-11

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw.”

L-esperjenza ta’ Ġesù mhijiex immaġinarja jew fittizja jew astratta.

L-esperjenza ta’ Ġesù hi tanġibbli: taqa’ taħt is-sensi; tista’ tismagħha u taraha!

B’hekk ix-xhieda ta’ dawk iż-żewġ dixxipli kienet ta’ min joqgħod fuqha: għax huma stess raw u semgħu.

X’raw u semgħu?

Ġesù qalilhom: “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.”

Illum, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, aħna ta’ xiex aħna xhieda? Nistgħu ngħidu l-istess bħalma qal Ġesù? Jew faqqarna x-xhieda tagħna?

X’nistgħu ngħidu lis-soċjetà ta’ żmienna biex nikkonvinċuha li Ġesù hu l-Messija, is-Salvatur, il-Mibgħut mill-Missier?

Ġesù kompla jgħidilhom, “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija.”

Aħna li nemmnu fih, aħna nitfixklu minħabba fih?

Ninsabu f’dan il-vjaġġ tal-Avvent. U tajjeb li nistħarrġu x’qed jiġri f’ruħna bħalissa. Dan hu ż-żmien liturġiku li fih aħna niftakru li l-wegħdiet ta’ Alla dwar il-miġja tal-Messija seħħew f’Ġesù u, fl-istess ħin, nistennew li l-wegħdiet ta’ Alla dwar it-tieni miġja tas-Salvatur iseħħu wkoll. Dawn ġa bdew iseħħu minn mindu d-dixxipli ta’ Ġesù tgħammdu l-ewwel darba bl-Ispirtu s-Santu nhar Pentekoste.

Il-wegħdiet ta’ Alla huma qawwija u jagħtuna kuraġġ. Fl-Ewwel Qari llum nisimgħu dil-wegħda: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas ta’ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom.”

Hekk għamel! Ġesù ġie u salvana. U għandu jerġa’ jiġi fil-glorja. Ejjew inkunu bħaż-żewġ dixxipli u nxandru l-għemejjel ta’ Ġesù u nixhdu li hu ħaj fostna!

Talba

Missier, grazzi li tajtna lil Ġesù bħala l-Messija li jfejjaqna, li jeħlisna, li jsalvana. Nitolbuk, f’Isem Ġesù, li tkeċċi l-biża’ tagħna u timliena bil-kuraġġ tal-Ispirtu s-Santu biex nagħtu xhieda tal-għemejjel kbar ta’ ħniena tiegħek fi żminijietna.

Ammen

The post Inti huwa dak li għandu jiġi? appeared first on Behold.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.