Avviżi – 12.04.2026 – It-2 Ħadd tal-Għid – Ħadd il-Ħniena Divina
- Illum 12/04, It-2 Ħadd tal-Għid u l-festa tal-Ħniena Divina:
- Fl-4.00pm tibda l-adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat; u
- Fil-5.00pm tibda l-quddiesa. L-adorazzjoni u l-quddiesa ser ikunu animati mill-Kor Parrokkjali.
- Il-ħin tal-quddiesa tal-Ħadd filgħaxija mil-lum jibda jkun fil-5.00pm.
- It-Tnejn 13/04:
- Inkomplu bit-tieni parti tat-Tberik tal-Familji għal din is-sena. Il-programm għax-xahar ta’ April jinsab fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa, fin-notice-boards tal-Knisja u qed jitqassam fid-djar fejn ser ikun ser isir it-tberik. Inħeġġeġ lill-membri tal-familji biex ikunu preżenti flimkien għat-tberik u l-laqgħa tagħna s-saċerdoti magħkom. Fiż-żmien tat-tberik, l-Uffiċċju Parrokkjali jiftaħ biss nhar ta’ Ħamis filgħaxija.
- It-Tlieta 14/04:
- Fid-9.30am ikomplu l-laqgħat tal-Grupp tan-Nisa ‘Magnificat’ fiċ-Ċentru Parrokkjali.
- Il-Ħamis 16/04:
- Fis-7.15pm ser issir laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina din is-sena. Il-laqgħa ssir fil-M.U.S.E.U.M. tas-subien.
- Is-Sibt 18/04:
- Il-Kumitat Festa Esterna se jorganizza Pie Day b’deliveries fid-djar f’nofsinhar u filgħaxija. Ordnijiet jintlaqgħu sa nhar il-Ħamis f’nofsinhar, fis-sagristija jew kif avżat fil-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli”.
- Il-Ħadd 19/04:
- Il-ġbir ikun b’risq l-istituzzjonijiet tal-karità li għandha l-Knisja f’Malta.
- Avviżi oħra:
- Is-Sibt 02/05 mill-5.15pm ‘il quddiem ser isir Afternoon Tea fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali.
- Fil-ġimgħat li ġejjin fil-Knisja se nkomplu b’xogħol ta’ żebgħa tal-parti t’isfel tal-ħitan (iz-zokklatura) u rtokki oħra f’partijiet bħal madwar niċeċ u fuq l-artali tal-kappelluni; ser isiru rtokki fl-induratura tas-sitt arkati tal-injam tal-korsija; u ser tkun qed titwettaq t-tielet fażi tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid għall-knisja minn ġewwa. F’din il-fażi se jsir dawl taħt l-arkati u fin-navi. Parti mill-ispiża ta’ dan ix-xogħol se titħallas minn fondi li l-parroċċa kisbet bi skema tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma. Għall-istore fuq is-sagristija nħadem cupboard ġdid tal-injam biex nerfgħu aħjar oġġetti ta’ patrimonju.
- Fiċ-Ċentru Parrokkjali tlesta x-xogħol tal-installazzjoni tal-lift, u t-tibjid ta’ partijiet komuni u xi kmamar, biex jekk Alla jrid nhar il-Ġimgħa l-01/05, f’għeluq il-15-il sena minn meta nfetaħ uffiċċjalment iċ-ċentru, ninawguraw il-proġett tal-lift. Minn issa nistedinkom biex nhar l-1 ta’ Mejju nieħdu sehem flimkien f’quddiesa ta’ radd il-ħajr fuq barra taċ-Ċentru, li tibda fid-9.00am, u nkomplu b’attivita’ wara.
- Bi pjaċir inħabbrilkom li l-kwadru titulari tal-parroċċa tagħna li juri it-tlugħ fis-sema ta’ Santa Marija ser jiġi rrestawrat flimkien mal-kwadri ta’ San Pietru u San Pawl li hemm maġenbu. Ir-restawr ser isir mill-kumpanija Atelier del Restauro. Il-parroċċa setgħet tidħol għal dan il-proġett grazzi għal fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-iSkema ta’ Finanzjament għar-Restawr li minnha se nirċievu €15,000. B’dan l-ammont se nkopru żewġ terzi tal-ispiża. Grazzi lil min għen biex dan kien possibbli u lilkom li ninsab ċert se tgħinu f’dan il-proġett. Din se tkun l-ewwel darba li dawn il-kwadri, li għandhom aktar minn 115-il sena, se jiġu rrestawrati. B’hekk se nkunu qed nieħdu ħsieb patrimonju ieħor li għandna. Se jiġi rrestawrat l-ewwelss il-kwadru titulari biex inkunu nistgħu ninawgurawh għall-festa li ġejja flimkien ma’ proġetti oħra.
- Nirringrazzjaw lil kull min qiegħed jagħtu sehemu u lil kulħadd għall-koperazzjoni, speċjalment fil-volontarjat u bl-għotjiet tagħkom fil-ġbir. Min jixtieq jista’ jħalli donazzjonijiet privati għal dawn il-proġetti mal-Arċipriet jew is-saċerdoti.
- Il-ġabra speċjali tal-Ħadd li għadda kienet ta’ €700 u matul il-ġimgħa daħlu €80 f’donazzjonijiet għax-xogħol li għaddej fil-Knisja. Nirringrazzjakom.
- Għadda għall-ħajja ta’ dejjem ħuna John Zammit. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem…



Ikkummenta