Avviżi – 22.08.2021
Il-Festa Titulari ta’ Santa Marija
1. L-Arċipriet flimkien mal-Kleru, il-Komunita’ Salesjana u l-Kumitat Festa Esterna jawguraw lil kulħadd il-FESTA T-TAJBA.
2. Il-quddiesa solenni ta’ jum il-festa tibda fid-9.15 a.m. u l-quddiesa li normalment tkun fil-11 għal-lum biss tibda kwarta wara, fil-11.15.
3. Filgħaxija il-Knisja tiftaħ fil-5.00 p.m. għal talb privat. Fis-6.00 jkollna l-kant tat-Tieni Għasar; il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda fis-6.30; u mbagħad qed nistednikom biex fis-7.30 ninġbaru flimkien għat-talba tar-Rużarju. Fi tmiem tingħata l-Barka Sagramentali. Fit-8.30 jibda programm ta’ logħob tan-nar tal-ajru.
4. Fl-okkażjoni tas-Sena Ġużeppina, fuq l-artal għandna espost il-bastun devot tal-istatwa ta’ San Ġużepp Inkurunat li nġieb apposta mir-Rabat. Il-bastun se jibqa’ fostna sa jum il-festa biex isir talb bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp. Quddiemu hemm ukoll xi santi għal min jixtieq.
5. Wieħed mill-ġesti ta’ solidarjeta’ li għamilna għal din il-festa hi stedina biex wieħed jirreġistra bħala donatur tal-organi. Dawk li jixtiequ jirreġistraw jistgħu jieħdu formola minn ħdejn il-bibien tal-ġenb tal-Knisja, jimlewha u jġibuha fis-sagristija.
6. Għada, it-Tnejn, il-quddiesa tas-6.00 a.m. ma ssirx.
7. Fl-okkażjoni tal-festa, fil-jiem li għaddew ġew inawgurati l-konservazzjoni u r-restawr tal-kwadru titulari tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju, ta’ żewġ kwadri kbar fil-kor u tal-kwadri tal-Via Sagra biex b’hekk temmejna sensiela ta’ proġetti li saru b’għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Id-dettalji kollha dwar dawn ix-xogħlijiet jinsabu fil-ktieb tal-festa li tqassam fid-djar kollha. Fl-istess ktieb hemm preżentazzjoni dwar l-investiment qawwi fl-armar li daħal għalih il-Kumitat Festa Esterna, li bħalissa qed jesebixxi fuq wara tal-Knisja xogħol ta’ skultura li għadu kemm tlesta biex isebbaħ żewġ pedestalli li jintramaw fuq barra. Nirringrazzjaw lil kull min qed jaħdem fuq dawn il-proġetti u lilkom tal-appoġġ bl-għotjiet tagħkom. Infakkru fl-envelope li tqassam fid-djar bi stedina biex kulħadd skont il-mezzi tiegħu jgħin lill-parroċċa. L-envelope jista’ jitħalla fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti jew fil-kaxxa tal-ittri tad-Dar Parrokkjali.
Ikkummenta