avvizi parrocca

Avvizi – 19.09.2021

Avviżi – 19.09.2021 – Il-25 Ħadd ta’ Matul is-Sena

1. Kif ħabbart f’jum il-festa ta’ Santa Marija, nhar it-Tlieta li ġej, Daniel Abela, żagħżugħ mill-parroċċa tagħna se jibda l-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju. Din hi grazzja kbira għall-parroċċa tagħna u aħna lkoll imħeġġin nakkumpanjawh bit-talb tagħna biex Ommna Marija żżommu taħt il-ħarsien tagħha u tiggwidah f’din il-mixja.

Il-parroċċa, filwaqt li tirringrazzja lil Daniel għall-ħidma diversa li wettaq fis-snin li għaddew fil-knisja u fil-parroċċa, qed tirregalalu s-suttana li tintuża fis-servizzi liturġiċi kollha li jkollhom is-seminaristi.

2. L-adorazzjoni tal-Ħamis li ġej wara l-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun mument ta’ talb quddiem Ġesu’ Sagramentat għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

3. Matul il-ġimgħa d-dieħla, l-Arċipriet ser ikun barra mill-parroċċa. Min ikollu bżonn xi ħaġa urġenti jkellem lil Monsinjur Louis Camilleri jew lil Fr Matthew Pulis.

4. Il-quddiesa tal-Ħadd fid-9.30 a.m. tkun organizzata għat-tfal u l-familji tagħhom. Dan il-Ħadd fl-okkażjoni ta’ Jum Ħad-Dingli qed nistiednu lit-tfal jiġu lebsin ħwejjeġ bil-kuluri tar-raħal: l-aħmar u l-blu. Fil-quddiesa nitolbu għar-raħal tagħna u t-tfal preżenti se jingħataw tifkira tal-okkażjoni mill-parroċċa. Il-Ħadd ta’ wara, il-quddiesa se tkun fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena skolastika u qed nistiednu lit-tfal iġibu magħhom il-basktijiet jew il-pockets tal-iskola biex jiġu mberkin. Dakinhar ukoll se jingħataw tifkira fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena skolastika.

5. Nirringrazzjaw lill-fratelli li f’attivita’ soċjali bejniethom ġabru s-somma ta’ €280 li tawha donazzjoni lill-parroċċa.

6. Nhar it-Tnejn 27 ta’ Settembru ser issir l-ewwel laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu l-Griżma tal-Isqof fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Il-laqgħa tibda fis-7.15 p.m. u ser issir fil-Knisja.

7. Fl-aħħar jiem tajna l-aħħar tislima lil oħtna Alda D’Amato. Agħtiha, O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem . . .

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.