L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd

It-Tnejn u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.
1 Slat 17:10-1

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.

Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”.

Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.

U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10

R/.(1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/

Kristu offra lilu nnifsu darba biss.
Lhud 9:24-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.

Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12:38-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12:41-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed fit-tempju biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Jien nagħti? Inħobb nagħti? Jew qalbi marbuta wisq mal-ġid u l-materjal? Kemm naf niftaħ idejja u nagħti lill-oħrajn mhux miż-żejjed li għandi imma minn dak kollu li għandi? Minn dak kollu li jien? Kemm għandi ħin biex nisma’ lil żewġi jew marti, kemm nieqaf biex nagħti każ x’qed jagħmel ibni? Kemm għandi ħin għal dawn l-għeżież tiegħi? Jew lanqas għandi ħin inħares dritt f’għajnejhom? Fiex qed ningħata lill-oħrajn? Fir-rigali? Jew f’li ngħix esperejenzi mill-isbaħ magħhom? Kemm qed verament ningħata? Kemm qed verament inħobb? Din -armla tal-Evanġelju tal-lum tat kulma kellha għax kellha fiduċja kbira f’Alla li dan ħa jerġa’ jipprovdilha—għax min ikun ġeneruż jemmen u jafda li ħaddieħor ħa jkun ġeneruż anke miegħu! Din l-armla kienet lesta li tagħti kulma kellha—li ma kien xejn meta mqabbel ma’ dak li tefgħu l-għonja, li kien ftit miż-żejjed li kellhom—għax diġà kienet għarfet li xejn u ħadd ma kien ħa jagħtiha dak il-ferħ li tista’ biss tirċievi hekk kif tagħti u tingħata bis-sħiħ, mhux miż-żejjed u lanqas biżżejjed imma iżżejjed! Hu għalhekk li Ġesù jgħid li l-armla tefgħet aktar minnhom kollha. U bir-raġun, għaliex din kienet lesta li tinsa lilha nnifisha biex tingħata għall-oħrajn! Għax emmnet li anke lilha ħa jingħatalha!

Talba

Mulej, nissel f’qalbna l-fiduċja fik sabiex bħall-armla aħna wkoll nemmnu u nafdaw li ħa jingħatalna dak kollu li neħtieġu fil-mument li neħtieġuh. Imma wkoll ħa nkunu misjuqa mix-xewqa li nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna oħrajn—biex inkunu nistgħu inkomplu nibnu ħajja ħafna isbaħ u aħjar!

Ammen.

The post L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.