avvizi parrocca

Avviżi – 18-12-21

[category Avvizi]

Avviżi – 19.12.2021 – Ir-4 Ħadd tal-Avvent

1. Bħalissa ninsabu fin-Novena tal-Milied. Inħeġġiġkom issegwu l-programm li qed jitqassam fi djarkom u li miegħu aħna s-saċerdoti qegħdin nibgħatu messaġġ għall-Milied. Dan il-messaġġ jinsab f’kartolina li qegħdin nagħtu b’tifkira lill-familji kollha u li fiha xbieha tal-pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi li għandna fil-kor tal-Knisja u li ġiet restawrata s-sena l-oħra.

2. In-Novena tal-Milied tkompli l-Ħadd fejn fil-quddiesa tad-9.30 a.m. jieħdu sehem it-tfal u wara jitbierku l-bambini jew grotti li jġibu magħhom. Il-ġimgħa d-dieħla, f’dawn il-ġranet fil-quddiesa ta’ filgħaxija jieħdu sehem b’mod speċjali:

It-Tnejn – il-familji tal-parroċċa;

It-Tlieta – il-fratelli;

l-Erggħa – l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ; u

l-Ħamis – il-Grupp tal-Kompensatriċi u l-voluntiera tal-parroċċa.

3. Nhar it-Tlieta mit-8.00 a.m. ‘il quddiem se jsir il-ħasil tal-Knisja. Napprezzaw l-għajnuna ta’ dawk li jistgħu jagħtu daqqa t’id.

4. Fil-ġranet li ġejjin ser ikollna servizz tal-qrar minn konfessur barrani fil-Knisja. Dan ser jingħata nhar il-Ħamis mis-6.00 p.m. ‘il quddiem, u l-Ġimgħa, li jkun lejlet il-Milied, mill-4.30 p.m. ‘il quddiem.

5. Nhar il-Ġimgħa l-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun fil-5.00 p.m. u tkun ta’ lejlet il-Milied. Minflok il-purċissjoni bil-bambin fit-toroq, il-membri tal-M.U.S.E.U.M. qed jistednuna biex nhar il-Ġimgħa fis-6.00 p.m. nattendu għal programm speċjali li ħejjew u li ser isir fil-Knisja. Il-velja tal-lejl tal-Milied fil-knisja tibda fil-10.45 p.m. u se tiffoka fuq il-100 sena ta’ Dimostrazzjoni bil-Bambin skont ix-xewqa ta’ San Ġorġ Preca. Wara l-purċissjoni tal-Bambin fil-Knisja, erbat’itfal jagħmlu l-Prietka tal-Milied u f’nofsillejl tibda konċelebrazzjoni solenni tal-quddiesa. Il-velja u l-quddiesa ta’ nofsillejl se jixxandru dirett fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa.

6. Is-Sibt niċċelebraw it-tifkira solenni tat-twelid ta’ Ġesu’: il-Milied. Il-ħinijiet tal-quddiesa jkunu bħal tal-Ħadd, ħlief ta’ filgħaxija li tkun fil-5.00 p.m., u fiha terġa’ ssir il-prietka mit-tfal.

7. L-għada tal-Milied, wieħed jista’ jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor billi jagħti d-demm fil-Mobile Blood Donation Unit li se tkun fil-pjazza ħdejn il-Knisja.

8. Fid-djar tqassmu l-envelopes tal-Kampanja “Minn Qalbna lill-Anġli” li ta’ kull sena fi żmien il-Milied taħseb li tiġbor donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. L-envelopes tistgħu tħalluhom fil-kaxxa tal-perspex li hemm fuq il-mejda tal-offerti sal-ewwel tas-sena. Fl-istess kaxxa tistgħu tħallu l-envelope bil-biljetti ta’ lotterija li titla’ fl-ewwel Ħadd tas-sena l-ġdida.

9. Tal-aħħar qabel il-Milied . . . minn fuq iz-zuntier tal-Knisja wara l-quddiesa għandna għall-bejgħ għażla ta’ ħelu tradizzjonali Malti. Nirringrazzjakom.

X X X X X X X

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.