It-travu li għandek f’għajnek int

It-travu li għandek f’għajnek int

It-Tmien Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skont l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li Knisja tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem.
Sir 27:5-8

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Meta jheżżu għarbiel jibqa’ fih l-iskart,
hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.
Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,
hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.
Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra,
hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.
Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem,
għax hekk jiġu ppruvati n-nies.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 91(92):2-3,13-14,15-16

R/.(ara 2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli
Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. R/.

Tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-58

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub:
Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.
Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?
Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?
In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi.
Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!

Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2:15d,16a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah.

Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
Lq 6:39-45

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, Ġesù qiegħed joffrilna kliem mimli għerf u sfidi qawwija, kliem li jgħinna nsiru bnedmin ġodda, ġaladarba nitolbu fuqhom bis-serjetà, inħalluhom jisfidawna, inħalluhom ikunu dawl li jgħinna niskopru mill-ġdid il-fidi tagħna u l-imħabba vera. Bħal dejjem, dan kollu huwa proċess. F’kull proċess hemm skoperti, uħud sbieħ, oħrajn inqas feliċi—jekk dawn ma naħkmuhomx sew, faċilment jistgħu jġibu konsegwenzi koroh fuqna nfusna u fuq l-oħrajn.

Ftit punti għar-riflessjoni tagħna.

Ilkoll aħna għomja sakemm nibqgħu naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor u dejjem għandna raġun. Tajjeb li ma nippruvawx niggwidaw lill-oħrajn, qabel ma nagħmlu ftit soul searching serju.

Min jaħdem ma’ Ġesù Kristu u għal Ġesù Kristu jrid ikun lest għal kollox, għaċ-ċapċip u anke għal min iċapċaphielu. Hekk għamlu lill-Imgħallem tagħna! Din mhix kwistjoni ta’ biża’, imma hija l-isfida qawwija tal-intenzjoni retta: Għal min qed naħdem? Għalxiex qed naħdem?

Jekk it-tibna f’għajn ħuk qed iddejqek dan forsi għaliex qed tindikalek dawk id-difetti li hemm moħbija fik (travi kbar) li ilek żmien twil tgħattihom billi tipponta/tikxef it-tibna ta’ ħuk?

Mhumiex l-affarijiet esterjuri li jtellfu l-mixja tal-fidi tan-Nisrani, li jistgħu jiddistrattawna xi ftit jekk nagħtuhom prijorità. Li jfarrak lill-bniedem huma l-affarijiet li ġejjin minnu nnifsu. Dawn jagħmluna skomdi magħna nfusna, u din l-istess skumdità, minflok ma nippruvaw naħkmuha b’talb, pariri siewja, riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla, li nersqu lejn is-Sagramenti, bl-iskuża li m’għandix ħin għalihom, allura x’nagħmlu? Nagħmlu l-aktar ħaġa faċli, imma degradanti: li nipproġġettawhom fuq ħaddieħor b’ħafna preġudizzji, b’ħafna kliem fil-vojt, billi ninħbew wara skrin u niktbu dak li jfettlilna, mingħajr ma jimpurtana lil min qed iweġġgħu. “il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”. Altru li għandu fiex jisfidana l-Evanġelju tal-lum!

Meta kien l-aħħar li għamilt b’serjetà eżami tal-kuxjenza?
Meta kien l-aħħar li ffaċċjajt bis-serjetà l-iskumditajiet li hemm ġo fik u ppruvajt taħkimhom?
Meta kien l-aħħar li ftakart li Alla jħobbok u jridek aħjar milli inti? Mela, tibżax tħallilu post f’ħajtek, tibżax tafdah totalment?

Talba

Mulej Ġesù, inti qomt mill-mewt għalina sabiex minna tagħmel bniedem ġdid. Għinna nagħrfu tassew min aħna. Agħtina l-kuraġġ li niffaċċjaw l-iskumditajiet tagħna sabiex, miegħek u permezz tiegħek, insiru bnedmin ġodda mimlijin fidi u mħabba ġenwina. Ammen.

The post It-travu li għandek f’għajnek int appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.