Tibżax: minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies

Tibżax: minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies

Il-Ħames Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

Fi tjubitek, Mulej, ħares dejjem il-familja tiegħek, u kun int l-għajnuna u l-qawwa tagħha, għax hi ma għandhiex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Hawn jien: ibgħat lili!
Iż 6:1-2a,3-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:
“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.

Bl-għajat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:
“Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.

Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:
“Ara, din messitlek xufftejk:
ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.

Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”. U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8

R/.(1ċ): Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek.

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej! R/.

Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk. R/.

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
1 Kor 15:1-11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.

Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.

Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.

Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew il-forma l-qasira

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
1 Kor 15:3-8,11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:19

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ejjew warajja,
u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
R/. Hallelujah.

Telqu kollox u marru warajh.
Lq 5:1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Iż-żmien Ordinarju jistedinna biex niċċelebraw is-sejħa li Ġesù jagħmlilna biex nimxu warajh. Il-Mulej Ġesù jsibna fejn inkunu, għaddejjin bil-ħajja tagħna ta’ kuljum, xi drabi meta nkunu għajjejna nitħabtu mal-mewġ tal-ħajja. Lil Xmun u sħabu s-sajjieda Ġesù sabhom f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret jaħslu x-xbiek wara lejl sħiħ jitħabtu għalxejn. Wara li tela’ fuq id-dgħajsa ta’ Xmun, Ġesù talbu jaqla’ kemxejn ’il barra mill-art biex ikun jista’ jgħallem lin-nies mid-dgħajsa tiegħu. Bħal fi żmien Ġesù, illum ukoll hawn l-għatx għall-Kelma li ssostni r-ruħ, tfarraġ, u tħeġġeġ il-qalb. Illum ukoll Ġesù għandu bżonn ta’ qlub ġenerużi li jkomplu jwasslu l-messaġġ tiegħu. Inti għandek post għalih fid-dgħajsa tiegħek? Lest/a li tinqata’ mill-istorbju tad-dinja biex tħallih jaħdem fik u jħejjik għall-missjoni li għandu għalik?

Tassew li meta nilqgħuh f’ħajjitna u nerħu t-tmun f’idejh, Ġesù jagħmel bina, magħna u fina ħwejjeġ kbar. Għal Xmun l-ewwel pass kien li jilqa’ lil Ġesù fid-dgħajsa tiegħu. Minn hemm ’il quddiem il-ġurnata tiegħu u saħansitra ħajtu kollha nbidlet mil-lejl għan-nhar. It-tieni pass ta’ Xmun kien li jobdi u jafda minkejja li dak li qallu biex jagħmel Ġesù deher li ma kienx qed jagħmel sens: “Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (v. 5). Issa fuq id-dgħajsa miegħu Xmun għandu lil Ġesù, anzi issa Ġesù hu l-Imgħallem u Xmun id-dixxiplu u dan għamel id-differenza kollha. L-evanġelista jgħidilna, “Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam” (v. 6). Tabilħaqq, meta niftħu qalbna għalih, il-Mulej Ġesù jimxi magħna b’fedeltà u jroddilna bl-abbundanza!

Quddiem il-qabda hekk kbira ta’ ħut, Xmun jagħraf iċ-ċokon u d-dgħjufija tiegħu, “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” (v. 8). Imma Ġesù jmissu bl-imħabba u l-ħniena tiegħu, “Tibżax: minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (v. 10). Kemm jafdana Ġesù u kemm tagħmlilna kuraġġ din il-kelma tiegħu, “Tibżax: aqdef ’il barra fil-fond…” Kull nisrani għandu missjoni x’jaqdi, u minkejja li aħna midinbin Hu jsejħilna biex niġbdu l-qlub lejh permezz tal-Kelma tiegħu. Ġesù daħal fil-ħajja ta’ Xmun Pietru, Ġakbu u Ġwanni permezz tal-kotra kbira ta’ ħut li qabdu. Minn hemm huma telqu kulma kellhom, u marru warajh. Jista’ jkun li ilek tisma’ u tfittex biex titgħallem fuq Ġesù iżda għadek m’għamiltx l-esperjenza tiegħu. X’qed ixekklek milli timxi warajh bis-serjetà? Minn xiex għandek bżonn tinħeles biex tħaffef għal warajh? Kun ġeneruż/a, ilqa’ lil Ġesù fid-dgħajsa u tibżax taqdef ’il barra fil-fond … il-Mulej għandu missjoni għalik ukoll!

Talba

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Mbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.” (Salm 40, 7-9)

The post Tibżax: minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.