Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena Ċ
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis irroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ’l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Amen
Riflessjoni għall-Evanġelju ta’ Ħadd L-Lapsi – Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Lq 24:46-53)
Dan l-Evanġelju joffrilna diversi punti ta’ riflessjoni. Il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu huwa għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jemmnu fih, imma wkoll għal dawk li matul iż-żmien se jemmnu Fih. Hu bata, miet u qam mill-mewt għal kulħadd: il-maħfra tad-dnubiet hi miftuħa għal kulħadd.
Ġesù jurina li hu u l-Missier ħaġa waħda, u li flimkien sa jibagħtu lil Ruħ il-Qodos. Hekk insibu xhieda oħra Evanġelika tat-Trinità Qaddisa; tal-għaqda bejn it-tliet persuni f’Alla wieħed. Mill-għaqda tal-imħabba tagħhom inħolqot il-kreazzjoni kollha. Maħluqin minn Alla, jistenniena immorru ngawduh.
Punt ieħor ta’ riflessjoni, huwa l-ħtieġa tal-istennija. F’kultura u mentalità fejn l-immedjat huwa ċentrali, fejn dan juri effiċjenza, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu sabiex jistennew. Jistennew il-miġja ta’ Ruħ il-Qodos, li ser jimliehom bil-qawwa u b’diversi doni oħra. L-istennija mhix dgħufija imma hija għaqal. Il-prokrastinazzjoni hi dgħufija. Meta l-istennija hi frott l-ubbidjenza (ob-audire, li tisma’ lil), allura marbuta mad-dixxeriniment, din tagħti qawwa interjuri li minkejja l-isfidi kollha, il-ferħ ma jonqos qatt: “mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.”
Messaġġ ieħor ċentrali li joffrilna dan l-Evanġelju li jsegwi l-qawmien mill-mewt tal-Mulej, huwa wieħed ta’ fidi: li Ġesù tassew qam mill-imwiet, tassew rebaħ il-mewt, Ġesù ma qamx biex jerġa’ jmut, imma qam biex jgħix għal dejjem. Ġesù qed jurina li l-ħajja ta’ dejjem hi reali, mhix xi fantaxjenza. Qed jurina li l-bniedem hu maħluq biex igawdi lil Alla għal dejjem, għalhekk il-mewt bioloġika hija biss passaġġ għall-ħajja eterna. Ġesù jrid jurina li hu magħna għal dejjem, qatt mhux ser jitlaqna—jinsab magħna fl-Ewkaristija. Il-fidi kollox!
Ieqaf u Aħseb:
– Kemm inti inklussiv/a fil-ħsibijiet tiegħek: li l-Evanġleju hu għal kulħadd, li l-maħfra tad-dnubiet hi offruta lil kulħadd? Dan jitlob ħafna umiltà, sabiex tnaqqina mis-self righteousness li jnawwar lil qalbna.
– Tgħid li temmen, imma inti persuna ta’ fidi? Jekk tassew inti, kapaċi tiskot, tisma’, tistenna lill-Mulej jurik xi jrid minnek?
– B’liema attitudni tersaq lejn l-Ewkaristija? Kif tgħixha? Il-ferħ Nisrani hu parti minn ħajtek, minkejja l-isfidi tal-ħajja?
Talba
Mulej, għallimni niskot biex nisma’ lilek. Għallimni nistenna biex dak li niddeċiedi jkun ġej minnek u b’hekk ikun għall-glorja ta’ Alla, għall-ġid tal-oħrajn u għall-qdusija tiegħi. Ammen.
The post Huwa u jberikhom, kien meħud fis-sema appeared first on Behold.
Ikkummenta