Il-proxxmu tiegħi min hu?

Il-proxxmu tiegħi min hu?

Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kulma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Kelma hi qribek sewwa biex tagħmilha.
Dewt 30, 10-14

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqas ’il bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: “Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?”. U anqas ma hi ’l hemm mill-baħar biex int tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha?”. Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 68 (69), 14 u 17. 30-31. 33-34. 36ab u 37

R/. (33): Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

Imma jiena msejken u batut;
terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.

Jew

Salm 18, 8.9. 10.11

R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.

Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.

Kollox bih u għalih kien maħluq.
Kol 1, 15-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6, 63ċ. 68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kliem tiegħek Mulej, huwa spirtu u ħajja:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.

Il-proxxmu tiegħi min hu?
Lq 10, 25-37

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni 13 (Lq 10, 25-37)

L-Evanġelista San Luqa jippreżentalna għaref fil-Liġi li minkejja li l-Liġi kien jafha tajjeb ħafna, qalbu kienet ’il bogħod minn dak li tgħid l-istess Liġi. L-intenzjoni tiegħu kienet li jġarrab lil Ġesù u li jurih li kellu raġun. Imma t-tweġiba ta’ Ġesù għall-mistoqsija “U l-proxxmu tiegħi min hu?” ma tindirizzax il-kapaċitajiet tal-moħħ … imma għall-ħniena li toħroġ mill-qalb. It-tweġiba ta’ Ġesù ma tiqafx ma’ dak li wieħed jaf mil-Liġi … imma kemm tassew jagħmel dak li tgħid il-Liġi. Għal darba darbtejn Ġesù jistieden lil dan l-għaref fil-Liġi “agħmel hekk int ukoll.” X’jiswa li twieġeb tajjeb u mbagħad ma tgħix dak li twieġeb?

U hawn nidħol jien. Żgur li l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb nafha sewwa. Probabbli studjajtha meta kont għadni l-iskola. Il-Liġi nafha tajjeb. Imma x’jiswa jekk dak li naf mhux qed ngħixu? Il-ħajja ta’ dejjem ma nirithiex għax naf il-Liġi, imma jekk ngħix il-Liġi.

U kif ngħix il-Liġi?
– Billi ma ngħaddix mal-ġenb tat-triq u taparsi ma rajt xejn. Billi ma ngħix ħajti bħala spettatur biered li donnu rabba kallu ma’ qalbu biex żgur ma jmissu xejn.
– Billi ma nibqax sejjer … imma nħares madwari, nagħti kas, nieqaf, nagħti l-ħin, inbiddel il-pjanijiet li kelli, nuża dak li jien, indaħħal idi fil-but, noħroġ barra minn triqti …

U fejn irrid ngħixha din il-Liġi? Fit-Tempju, fil-Knisja?
– Le … fit-triq, fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, fil-ħanut … fil-ħajja ta’ kuljum.

U ma’ min irrid ngħixha din il-Liġi
– Ma’ min ninzerta. Ma’ min niltaqa’ fit-triq. Mhux jien nagħżlu. Il-bixra ta’ wiċċu mhux importanti. Il-kulur tal-ġilda m’għandux x’jaqsam.

Jista’ jkun għandi grazzja miegħu; jista’ jkun mhux daqshekk immur tajjeb miegħu. Jista’ jkun naqbel miegħu; jista’ jkun naħsibha differenti minnu. Jista’ jkun ħabib tiegħi; jista’ jkun l-għadu tiegħi. Jista’ jkun nafu b’ismu; jista’ jkun ma nafux. Jista’ jkun xi ħadd li fil-passat għenni;q jista’ jkun xi ħadd li għamilli l-bsaten fir-roti.

Il-ħniena ma tħarisx lejn uċuh.
Il-ħniena ma tagħmilx preferenzi.
Il-ħniena ma tagħżilx wieħed minn ieħor.

Il-ħniena tħobb bla ma tiġġudika.
Il-ħniena titbaxxa, iddewwi, u tinsa lilha nnifisha.
Il-ħniena toħroġ minn triqtha biex tagħti lilha nnifisha.

Talba

Mulej, jolqotni l-fatt li kemm il-qassis, kemm il-levita u kemm is-Samaritan kienu għaddejjin mill-istess triq.

Jolqotni l-fatt li kemm il-qassis, kemm il-levita u kemm is-Sammaritan raw lill-midrub mal-art.

Imma mhux kollha waqfu. Xi wħud baqgħu għaddejjin.

Tħallini qatt nimxi mill-ġenb tat-triq.

Tħallini qatt nimxi bil-pass imgħaġġel.

Tħallini qatt inħares lejn l-uċuħ.

Tħallini qatt nibqa’ għaddej.

Tħallini qatt inkun indifferenti.

Għax Inti miegħi min jaf kemm-il darba waqaft u dewwejtli fejn kont ferut. Għinni ħa nagħmel hekk jien ukoll.

The post Il-proxxmu tiegħi min hu? appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.