Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna

Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna

It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Kolletta

O Alla, int b’mod tal-għaġeb ħlaqt il-bniedem fil-kobor tiegħu, u b’għaġeb akbar ġeddidtu wara li waqa’: agħmel li nissieħbu ma’ Kristu fin-natura tiegħu ta’ Alla. Kif hu għoġbu jieħu sehem magħna fin-natura tagħna l-bnedmin, Hu, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Iż 52:7-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji
r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem,
ta’ min iħabbar ir-riżq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni,
u jgħid lil Sijon: “Alla tiegħek isaltan”.
Ismagħha l-għajta!
L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom,
ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ,
għax raw b’għajnejhom lill-Mulej rieġa’ lura f’Sijon.
Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm,
għajtu lkoll bil-ferħ,
għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,
feda lil Ġerusalemm.
Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis,
quddiem il-ġnus kollha,
u raw it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6

R/. (3ċ): Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,
biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,
bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;
għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

Alla kellimna permezz ta’ Ibnu.
Lhud 1:1-6

Bidu tal-Ittra lil-Lhud

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.

Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tal-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet, u b’hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqskemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb.

Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla: “Inti ibni, jiena llum nissiltek!”? Jew: “Jiena nkun missieru, u hu jkun ibni!”? Imbagħad, hu u jdaħħal lil Ibnu l-Kbir fid-dinja, jgħid ukoll: “Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jum imqaddes feġġ għalina: ejjew, ġnus, qimu l-Mulej:
għax illum fuq l-art niżel dawl kbir.
R. Hallelujah.

Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.
Ġw 1:1-18

Bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.
Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
Kollox bih sar,
u xejn ma sar mingħajru;
kulma sar kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
Id-dawl jiddi fid-dlam,
imma d-dlam ma għelbux.
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
jismu Ġwanni.
Dan ġie bħala xhud,
biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
dak id-dawl veru,
li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
Kien fid-dinja,
u d-dinja saret bih,
imma d-dinja ma għarfitux.
Ġie f’daru,
u niesu ma laqgħuhx.
Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,
dawk li jemmnu f’ismu,
li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,
u anqas mir-rieda tal-bnedmin, iżda minn Alla.
U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
Ġwanni ta xhieda fuqu
meta għajjat u qal:
“Dan hu li għalih għedtilkom:
Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,
għax kien minn qabli”.
Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
grazzja fuq grazzja.
Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
imma l-grazzja u l-verità
seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.
Lil Alla għadu ħadd ma rah;
imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju

Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.
Ġw 1:1-5,9-14

Bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.
Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru;
kulma sar kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.
Kien id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,
imma d-dinja ma għarfitux.
Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.
Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,
dawk li jemmnu f’ismu,
li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,
u anqas mir-rieda tal-bnedmin, iżda minn Alla.
U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ġw 1, 1-18

Il-qari tal-Ħdud tul l-Avvent ta’ din is-sena kien kollu meħud mill-Evanġelju skont San Mattew. Imma l-liturġija terfgħalna (biex ngħid hekk) proprju l-bidu nett tal-Evanġelju skont San Ġwann għal-lum … nhar il-Milied. Il-mod poetiku li jibda bih ir-rakkont ta’ San Ġwann—dak li aħna nirreferu għalih bħala l-Prologu ta’ San Ġwann—ma nsibuh fl-ebda Evanġelju ieħor: huwa uniku għal San Ġwann.

Interessanti li dan il-bidu poetiku f’San Ġwann ma joħodniex lura għall-oriġini ta’ Ġesù f’din id-dinja, jiġifieri fit-twelid f’Betlehem minn ommu Marija. Imur lura iktar minn hekk. Proprju joħodna lura ‘fil-bidu. Bla ma trid taħseb fl-Ewwel Ktieb tal-Iskrittura (il-Ġenesi) li proprju jibda bl-istess kliem preċiż: “Fil-bidu …” X’inhu dan ‘il-bidu’? Għalxiex qed jirreferi? U hawnhekk nibdew induqu r-rikkezza tar-rakkont ta’ Ġwanni. Filwaqt li l-awtur sagru juża l-istess kelma “fil-bidu,” Ġwanni jagħtiha tifsira ġdida, iktar b’saħħitha. Il-bidu li nsibu referenza għalih fil-ktieb tal-Ġenesi qed jirreferi għall-bidu tal-ħolqien. Il-bidu li nsibu referenza għalih fil-Prologu ta’ San Ġwann imur lil hinn minn hekk …. mhux marbut maż-żmien, mhux temporali. Anzi, dan il-bidu joħodna f’dimensjoni oħra, saħansitra qabel l-istess ħolqien, għax joħodna fid-dimensjoni ta’ Alla. Qabel ma sar kollox, qabel ma ssawwar kollox, il-Verb (Logos – it-Tieni Persuna tat-Trinità) kien mill-bidu … kien minn dejjem.

F’dan il-ħsieb ċkejken aħna ser nieqfu biss fuq l-ewwel vers:
Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.

Jekk wieħed josserva tajjeb, dan il-vers huwa maqsum fi 3 klawsoli/partijiet u f’kull parti nsibu l-verb kien (einai). Tajjeb ngħidu li, minkejja li f’kull parti jintuża l-istess verb kien, kull darba għandu tifsira differenti.

– Fl-ewwel parti (Fil-bidu kien il-Verb) ifisser li l-Verb (Ġesù) kien jeżisti sa minn dejjem, qabel il-ħolqien, qabel il-bidu ta’ kollox.#

– Fit-tieni parti (U l-Verb kien ma’ Alla), il-verb kien jiddeskrevi relazzjoni bejn il-Verb (Ġesù) u Alla. Il-Verb (Ġesù) kien fil-preżenza ta’ Alla u allura timplika li l-Verb (Ġesù) u Alla huma distinti minn xulxin imma fil-preżenza ta’ xulxin.

– Fit-tielet parti (U l-Verb kien Alla) il-verb kien jidentifika n-natura tal-Verb (Ġesù) ma’ dik ta’ Alla nnifsu.

Forsi li kieku wieħed jipprova jgħidha fi kliem sempliċi, nistgħu ngħidu hekk: Ġesù, li għandu n-natura ta’ Alla u li huwa f’relazzjoni mal-Missier, kien minn dejjem.

X’għandu x’jaqsam dan jkollu mal-Inkarnazzjoni? Meta wieħed “jifhem” il-kobor ta’ Alla, jista’ jibda japprezza l-misteru tal-Inkarnazzjoni!
– Dak li kien minn dejjem, sar temporali … intrabat maż-żmien.

– Dak li jinsab f’relazzjoni mal-Missier ried ikollu relazzjoni magħna, anzi sar wieħed minna.

– Dak li huwa l-istess Alla sar bniedem bħalna

Sewwa jgħid is-salmista: “Il-kobor libes” (Salm 93, 1). Sewwa jgħid San Pawl lill-Filippin: “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2, 6-7)

Din hi l-Inkarnazzjoni! Dan hu li jfisser il-Milied!

Talba

Mulej, agħtini l-grazzja biex, bħal Ġużeppi, jien niddixxerni dak li inti tixtieq minni. Bħal Ġużeppi, agħtina l-grazzja li nwarrab il-pjanijiet tiegħi biex nidħol b’ħafna paċi, fiduċja u entużjażmu fid-dinamika tar-rieda mqaddsa tiegħek għalija.

Ammen

The post Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.