Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena A
Kolletta
Mulej Alla tagħna, agħtina li nqimu lilek b’ruħna kollha, u li nħobbu lil kulħadd bi mħabba spiritwali. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ammen.
Riflessjoni
Kull nisrani huwa msejjaħ biex jgħix fid-dinja imma ma jkunx tad-dinja. Ħafna drabi jkollu jitħabat kontra l-kurrent. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù sejjaħ dixxipli sabiex jagħmilhom ‘sajjieda tal-bnedmin’ biex jgħinuh isalva lil dawk li jkunu nġarru mal-kurrent. Biex jagħmel dan id-dixxiplu jeħtieġ li joqgħod f’riġlejn l-Imgħallem jisimgħu b’qalb miftuħa u jħalli l-kelma tiegħu tagħmel l-għeruq f’qalbu. Proprju din hi x-xena li jpinġilna l-Evanġelista llum: “Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom …” (v. 1-2).
Il-vjaġġ tad-dixxiplu li jilqa’ s-sejħa biex jimxi wara Ġesù jibda bil-konverżjoni, u jkompli fit-triq imfassla fuq il-Beatitudnijiet, it-triq tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, it-triq li jgħallimna Ġesù u li twassal għall-hena tassew. Nistgħu ngħidu li l-karatteristiċi li jitkellem dwarhom Ġesù f’dan id-diskors joħorġu l-personalità tiegħu, u, għalhekk, kull dixxiplu li jimpenja ruħu biex jgħix ta’ nisrani għandu jiktibhom f’qalbu u jagħmel minn kollox biex iħaddanhom.
Il-fqir fl-ispirtu huwa hieni għax mhuwiex marbut mal-ġid materjali jew imkabbar bih innifsu iżda sempliċi u umli, lest li jagħti kollox bl-imħabba. Il-fqir fl-ispirtu ma jqis li għandu xejn tiegħu, fl-istess ħin għandu kollox għax għandu lil Kristu jsaltan f’qalbu. It-tama tal-bniedem hieni hija f’Alla anke fin-niket u t-tbatija. Huwa jitnikket meta jara l-ħażen, iħoss l-uġigħ u juri solidarjetà mal-batut. Is-Saltna tas-Smewwiet nibnuha bil-ħlewwa u bl-umiltà. Il-bniedem ta’ qalbu ħelwa mhuwiex dgħajjef jew beżżiegħ imma b’saħħtu quddiem l-isfidi tal-ħajja. Ma jweġibx bil-vjolenza għall-vjolenza jew inġustizzja imma dejjem ifittex li jġib il-paċi. Ġesù jsejjaħ hieni lil dak li jfittex li sseħħ il-ġustizzja, jaħdem għall-paċi u juri ħniena ma’ min jiżbalja jew jinsab fil-bżonn. Hieni l-bniedem li għandu ’l Kristu jgħix fih u jħalli l-kelma tiegħu ssaffilu qalbu. Huwa sinċier f’dak kollu li jagħmel, u jagħmel kollox bl-imħabba bħal Kristu. Il-bniedem tas-Saltna jeħtieġ li jkun kuraġġuż biex ma jibżax jagħmel dak li hu tajjeb anke meta ta’ madwaru jidħqu bih jew jarawh differenti minnhom.
It-taqbida tan-nisrani hija dejjem bejn is-Saltna tas-Smewwiet u d-dinja li tgħożż il-poter, il-flus, is-suċċess, id-divertiment. Dak li jitlob minna l-Mulej nistgħu ngħixuh biss bl-Ispirtu Qaddis tiegħu li jgħammar fina. Tajjeb li fl-aħħar ta’ kull jum narblu lilna nfusna biex naraw x’għażliet qegħdin nagħmlu fil-ħajja tagħna. Il-Beatitudnijiet huma t-triq tal-ħajja; henjin aħna jekk ngħixuhom!
Talba
Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla!
Għad-dell ta’ ġwenħajk jistkennu wlied il-bnedmin.
Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek,
tisqihom ix-xmara tal-hena tiegħek.
Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja,
fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.
Żomm it-tjieba tiegħek ma’ min jagħrfek,
il-ġustizzja tiegħek ma’ min hu qalbu safja.
(Salm 36, 8-11)
The post Henjin l-imnikkta appeared first on Behold.
Ikkummenta