It-Tielet Ħadd Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skont ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ammen.
Riflessjoni
“Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 3, 2). Din is-sejħa għadha tidwi f’widnejna minn żmien l-Avvent: is-sejħa li għamlilna Ġwanni l-Battista, il-mibgħut minn Alla biex iħejji l-qlub għatxana għall-Messija. Issa kien wasal iż-żmien biex Ġesù nnifsu jibda l-ministeru pubbliku tiegħu. Ġesù jitlaq minn Nazaret fejn kien trabba u jmur f’art “’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus” (v. 15), art imsejħa tad-dlam billi fiha kienu daħlu bosta pagani. Hekk kien qal il-profeta Isaija, “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Is 9, 1). Ġesù, id-dawl li ġie biex idawwal il-ġnus, jibda l-ministeru tiegħu bl-istess sejħa ta’ Ġwanni, “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v. 17).
Ġesù dejjem jieħu l-ewwel pass biex isibna fejn aħna, fid-dlamijiet tal-ħajja tagħna, fid-dnub tagħna, fin-nuqqas ta’ ħila, fil-qtigħ ta’ qalb: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v.17). Jiena hawn magħkom jgħidilna l-Mulej, iżda jeħtieġ li tindmu, li ddawru r-rotta, li tbiddlu l-mod ta’ kif taħsbu u kif iġġibu ruħkom. Illum il-Mulej Ġesù qed jgħid lilna wkoll: “Indmu” u ħalluni nsaltan fi qlubkom. X’se tkun it-tweġiba tagħna?
Fil-Galilija, Ġesù mhux biss ħabbar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet u sejjaħ għall-indiema, iżda beda jsejjaħ dixxipli għal warajh sabiex jagħmilhom “sajjieda tal-bnedmin” biex jgħinuh fil-missjoni tiegħu. Għas-sejħa tal-Mulej Ġesù, Pietru u ħuh Indrì telqu x-xbiek minnufih u marru warajh. Imbagħad sejjaħ lil Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni li huma wkoll telqu d-dgħajsa ta’ missierhom minnufih u marru warajh. Lil dawn l-erba’ sajjieda, Ġesù sejħilhom għal warajh waqt li kienu għaddejjin bil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
Hekk għandu ħabta jkellimna l-Mulej: waqt li nkunu għaddejjin bit-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum. Imma jeħtieġ li nkunu attenti għas-sejħiet li jagħmlilna. Nistgħu nsibu ruħna aljenati b’elf ħaġa li jkollna fuq l-aġenda tal-jum u lanqas biss nintebħu li l-Mulej għadda u sejħilna. Xi drabi oħra, nisimgħu s-sejħa imma ninqabdu fix-xbiek li jxekkilna milli nagħmlu l-ewwel pass. Illum il-Mulej Ġesù qed isejħilna biex inkunu Nsara tassew. Nitolbuh jagħtina l-grazzja li nagħrfu minn liema rbit jeħtieġ ninħelsu biex immorru warajh b’qalb kuraġġuża u ġeneruża bħalma għamlu l-ewwel dixxipli u dawk kollha li matul is-snin għaddewlna l-fidi.
Talba
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.
(Salm 51, 12-15)
The post Kristu d-Dawl tad-Dinja appeared first on Behold.
Ikkummenta