Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, qawwa ta’ min jittama fik, ieqaf magħna li qegħdin insejħulek, għax aħna bnedmin dgħajfa li mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn; agħtina dejjem l-għajnuna tal-grazzja tiegħek biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek, ħalli nogħġbuk fir-rieda u l-għemil tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fl-Ewwel Qari, Ġeremija jistqarr: “Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni, għalhekk dawk li jagħmlu għalija jogħtru, ma jagħmlu xejn …”
Fis-Salm 68 nitolbu lill-Mulej: “… dur lejja fil-kobor tal-ħniena tieghek … tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.”
Fit-Tieni Qari, San Pawl lir-Rumani jiktbilhom li “… il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.”
Fl-Evanġelju, San Mattew iwasslilna kliem Ġesù li kemm-il darba jgħidilna: “La tibżgħux mill-bnedmin … U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu lir-ruħ … mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minnn ħafna għasafar tal-bejt.”
Il-biża’ hija emozzjoni xejn pjaċevoli f’kas ta’ periklu, uġigħ, jew xi tip ta’ ħsara. Il-biża’, emozzjoni qawwija konsegwenza jew għarfien ta’ periklu.
Huwa f’mumenti ta’ biża’ li aħna nduru lejn l-Mulej għax nafu fiċ-ċert li hu s-saħħa, il-kenn u ragħaj tagħna. Huwa f’mument ta’ biża’ li fil-Mulej insib raġel qalbieni li dejjem lest li jaqbeż għalija. Huwa f’mument tal-biża’ li nfittex lil Alla u nħalli l-kobor tal-ħniena tiegħu terġa’ timlieni bil-kuraġġ. Huwa f’mument tal-biża’ li l-grazzja ta’ Ġesù Kristu tixterred bil-bosta fuqi u fuqek.
Spiss fil-ħajja tagħna nġarrbu biża’ minn bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna. Minn ċirkustanzi fil-ħajja, fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtuhom setgħa fuq il-ħajja tagħna. Il-gwerer ta’ madwarna, dawk li nisimgħu bihom ta’ kuljum bħal tal-Ukrajna u r-Russja, jew dawk il-gwerer minsija li ilhom għaddejjin għal snin twal imma mhux fl-interess tal-aħbarijiet biex ixandruhom. Tgħid jagħmlu hekk mill-biża’?
Il-kelma biza’ hi miktuba għal 500 darba fil-Bibbja.
Il-frazi la tibżgħux hi miktuba għal 365 darba, jiġifieri għandna din il-frażi miktuba għal kull ġurnata tas-sena.
Fl-Evanġelju skont San Mattew, Ġesù jgħidilna biex ma nibżgħux. Ma nibżgħux għax għandna valur f’għajnejh u fil-qalb tiegħu. Kemm persuni niltaqgħu magħhom li jistqarru li ma jarawx valur fil-ħajja tagħhom, fil-persunalità tagħhom. Kemm hawn min ibati minn stima baxxa tiegħu nnifsu.
Ma nibżgħux għax Alla jafna fid-dettall li Alla ħalaqna bih: “sax-xaghar ta’ raskom kollu hu maghdud.”Ma nibżgħux għax hu jiżgurana li aħna aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Pjuttost ibeżżagħni l-fatt li hawn min qed jirsisti biex idaħħal l-abort u jkun pront jeqred dak li Alla ħoloq b’tant imħabba. Ibeżżagħni min qed jirsisti għall-ewtanasja, li jiddeċiedi hu jekk mhux b’xi liġi li tagħtih poter li qatt ma kellu jkun tiegħu li jeqred il-ħajja li tant hi sagra. Ibeżżagħni min jippromovi l-użu tas-sustanzi bħad-droga.
Imma ħaġa waħda rridu nżommu f’rasna: li l-Mulej qam mill-imwiet biex joħroġna ’l barra mill-biżgħat li semmejna aktar ’il fuq u dan għax hu Alla tal-ħajjin, ta’ dawk li jafdaw fih fil-mumenti tal-biża’ biex miegħu joħorġu rebbiħin.
Talba
La tibzax għax jien miegħek, la tinfixilx għax jien Alla tiegħek.
Missier, kemm jien grat lejn l-imħabba immensa li għandek għalija. Int miegħi l-ħin kollu, kull xħin inkun neħtieġ il-wens li int biss tista’ tagħtini. Ammen.
The post intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt appeared first on Behold.
Ikkummenta