Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa

Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa

Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, li tħares lil min jittama fik, mingħajrek xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis; kattar fuqna l-ħniena tiegħek, u kun int li taħkem fuqna u tmexxina, ħalli ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li nagħrfu norbtu ruħna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Qiegħed nagħtik moħħ għaref u għaqli.
1 Slat 3, 5.7-12

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. “Itlobni x’nagħtik”, qallu Alla.

U wieġbu Salamun: “Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.

Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa tiegħek – iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 118 (119), 57.72.76-77.127-128.129-130

R/. (97a): Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej

Mulej, dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa. R/.

Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.

Ippredestinana biex nieħdu sura xbieha ta’ Ibnu.
Rum 8, 28-30

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.

Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-52

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Evanġelju
Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-46

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni

Il-Liturġija tal-Kelma llum iddur madwar l-għerf. Il-għerf mhumiex knowledge, imma hu wisdom. L-umli biss jistgħu jakkwista dan il-għerf li jiġi biss minn Alla. Ġaladarba jibda jakkwistah, jagħraf x’inhu l-aqwa teżor ta’ ħajtu. 

Dan l-għerf  jurik kemm int aljenat b’elf ħaġa fil-ħajja; jurik li hemm bżonn tad- dixxerniment għaliex permezz ta’ dan  jibda jitnaddaf il-moħħ, il-qalb u l-persuna sħiħa tal-bniedem.  B’hekk jista’ jibda  jakkwista dik is-serenità li Alla biss jaf jagħti meta l-bniedem fis-skiet tiegħu jilqa’ l-grazzja ta’ Alla.   

Fis-skiet ta’ qalbu l-bniedem jibda jirrealizza li għandu bżonn jirranġa l-prijoritajiet ta’ ħajtu: Jibda jagħraf dak li hu tassew essenzjali qalb affarijiet oħra. Jibda jagħraf li mal-medda taż-żmien akkumula fih u madwaru ħafna memorji li mhux kollha jistgħu jagħtuh il-paċi. Immela hemm bżonn li jiddixxerni, li jagħżel, li jiddistakka ruħu minn xi affarijiet, li jbiddel oħrajn, u li jaċċetta dak li ma jistax ibiddel għaliex dan qiegħed hemm sabiex jgħinu jimmatura u jitqaddes. Huwa dan l-għerf qaddis li  jwassal lill-bniedem sabiex isib it-teżor veru ta’ ħajtu.  

Dan l-għerf ta’ Alla jaf jonġorr, jorqom, inaddaf il-ġewwini tal-bniedem kemm-il darba dan jiftaħ il-bibien ta’ ħajtu beraħ għal Ġesù Kristu u jagħmlu l-prijorità assoluta tiegħu, it-teżor moħbi fil-għalqa ta’ ħajtu mgħixa f’soċjetà li tistinka tfittex it-teżori kullimkien minbarra f’Ġesù Kristu.  

– Għaliex tibża’ mis-skiet li jġibek wiċċ imb wiċċ mal-verità ta’ ħajtek? 
– Taf li fejn hemm it-teżor tiegħek hemm tinsab qalbek. Insaqsik, fejn hi qalbek, fuq xiex tistrieħ?  
– Għaliex iżżomm ruħek hekk aljenat b’ħafna affarijiet, meta taf li dawn ma jagħtukx dak li għalih hemm għatx klubi fil-ġewwieni tiegħek?  
– Għaliex tibża’ tinżel għarkupptejk u titlob lil Alla jgħinnek tnaddaf ħajtek, speċjalment il-memorja tiegħek?   
– Għaliex tibża’ titlob lil Alla jgħinnek taċċetta dak li ilek taħrab minnu f’ħajtek? Emmen, u  aċċettah. L-importanti li tibqa’ żżomm lil Ġesù Kristu l-prijorità tiegħek f’ħajtek, u tiegħu biss tkun dixxiplu.  

Talba

Mulej, iftaħli qalbi, moħħi, il-ħajja kollha tiegħi sabiex naċċetta l-għerf tiegħek. Jiġru ħafna affarijiet f’ħajti li ma nifhimhomx, imma nemmen li fl-imħabba tiegħek, dawn huma mumenti ta’ grazzji kbar. Għinni negħleb il-bosta biżgħat li jxekkluni milli nħallik tkun il-prijorità assoluta f’ħajti. Ammen.

The post Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.