Ibni l-għażiż

Ibni l-għażiż

Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Kolletta

O Alla, fit-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni int saħħaħt il-misteri tal-fidi bix-xhieda ta’ missirijietna, u b’mod tal-għaġeb urejt minn qabel kif aħna konna se nsiru tassew ulied adottivi tiegħek: agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nisimgħu leħen Ibnek il-għażiż biex jistħoqqilna nsiru werrieta miegħu, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Dan 7: 9-10. 13-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf weqfin quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ Bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, gieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 96: 1-2.5-6.9

R/. Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha!

Il-Mulej isaltan!
Ħa tifraħ l-art, ħa jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru,
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Bħax-xema’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha;
ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
u l-popli kollha jaraw is-sebħ tiegħu. R/.

Għax inti l-Mulej,
’il fuq mill-art kollha,
’il fuq mill-allat inti ħafna għolejt. R/.

2 Pietru 1: 16-19

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież: aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu!
Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Mt 17:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Illum il-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, dik il-ġrajja li seħħet quddiem tlieta mill-eqreb appostli ta’ Ġesù fuq il-muntanja tat-Tabor. Din kienet ġrajja fejn dehret id-divinità ta’ Kristu bl-aktar mod ċar iżda mingħajr mistenni. L-esperjenza tad-Divin tinsab ukoll fl-Ewwel Qari fil-Ktieb tal-Profeta Danjel.  

U quddiem din d-divinità, il-bniedem x’jagħmel? Fl-Evanġelju naraw li Pietru bħal infixel u xtaq li dak il-mument ma jispiċċax—bħal donnu jixtieq jiggranfa miegħu billi jibni tinda. Imbagħad narawh flimkien mal-appostli jaqgħu mal-art bil-biża’, bl-istagħġib li huma jinsabu fil-preżenza tal-‘Iben għażiż’. 

Kemm ilna ma nħossu u ngħixu din l-esperjenza tad-Divin? Xi drabi forsi imdorrijin ħafna b’immaġni ta’ Ġesù li hu wieħed minna u li jgħix magħna u jakkumpanjana fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din hija immaġina sabiħa ħafna, reali wkoll. Però ġieli nitilfu s-sens li Ġesù huwa wkoll Alla, Divin, Alla s-Salvatur. U forsi, anke jekk qatt ma kellna esperjenza qawwija bħal dik tat-Trasfigurazzjoni jew xi dehra bħal dik ta’ Danjel, tajjeb li fit-talb dejjem nidħlu b’mod konxju quddiem id-Divin. Nidħlu b’attitudni ta’ qadi, ta’ reverenza, ta’ stagħġib, ta’ umiltà, ta’ biża’ ta’ Alla.  

Dawn l-appostli kienu l-istess appostli li aktar ’il quddiem narawhom ma’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani. Forsi f’dik ix-xena raw biss l-umanità ta’ Ġesù u, quddiem l-agunija tiegħu, ma setgħu jagħmlu xejn ħlief jorqdu biex jippruvaw jaħarbu u jinsew dak li kien se jiġri. Iżda biż-żmien ħarsu lura lejn dawn iż-żewġ ġrajjiet flimkien u forsi fit-tbatija u fl-agunija ftakru wkoll li jistgħu jiltaqgħu mad-Divin u jiksbu s-salvazzjoni. U għalhekk, aħna li forsi aktar ngħixu mal-oħrajn fis-sitwazzjoni ta’ tbatija, mard u inġustizzji, tajjeb li nibqgħu niftakru fit-Trasfigurazzjoni, f’Alla li jsalva anke matul u permezz ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Hu Alla li jibni tinda għalina, bħal dik is-sħaba li għattiet lill-appostli fuq it-Tabor, bħal dik is-sħaba li ħarġet il-poplu ta’ Israel mill-Eġittu.  

Imma biex nibqgħu taħt dik is-sħaba rridu dejjem nisimgħu lilu, inħaddnu l-Kelma tiegħu kif tant saħaq Pietru fit-Tieni Qari: “Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

Talba

Mulej Ġesù, filwaqt li nqimu d-divinità tiegħek u nistqarruk bħala l-Iben għażiż tal-Missier, agħmel li qalbna tkun attenta għall-Kelma tiegħek sabiex, fl-istennija tal-laqgħa miegħek wiċċ imb wiċċ fil-glorja kollha tiegħek, isservi ta’ fanal li twassalna għandek. Ammen. 

The post Ibni l-għażiż appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.