Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej
Kolletta
O Alla, fit-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni int saħħaħt il-misteri tal-fidi bix-xhieda ta’ missirijietna, u b’mod tal-għaġeb urejt minn qabel kif aħna konna se nsiru tassew ulied adottivi tiegħek: agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nisimgħu leħen Ibnek il-għażiż biex jistħoqqilna nsiru werrieta miegħu, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Illum il-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, dik il-ġrajja li seħħet quddiem tlieta mill-eqreb appostli ta’ Ġesù fuq il-muntanja tat-Tabor. Din kienet ġrajja fejn dehret id-divinità ta’ Kristu bl-aktar mod ċar iżda mingħajr mistenni. L-esperjenza tad-Divin tinsab ukoll fl-Ewwel Qari fil-Ktieb tal-Profeta Danjel.
U quddiem din d-divinità, il-bniedem x’jagħmel? Fl-Evanġelju naraw li Pietru bħal infixel u xtaq li dak il-mument ma jispiċċax—bħal donnu jixtieq jiggranfa miegħu billi jibni tinda. Imbagħad narawh flimkien mal-appostli jaqgħu mal-art bil-biża’, bl-istagħġib li huma jinsabu fil-preżenza tal-‘Iben għażiż’.
Kemm ilna ma nħossu u ngħixu din l-esperjenza tad-Divin? Xi drabi forsi imdorrijin ħafna b’immaġni ta’ Ġesù li hu wieħed minna u li jgħix magħna u jakkumpanjana fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din hija immaġina sabiħa ħafna, reali wkoll. Però ġieli nitilfu s-sens li Ġesù huwa wkoll Alla, Divin, Alla s-Salvatur. U forsi, anke jekk qatt ma kellna esperjenza qawwija bħal dik tat-Trasfigurazzjoni jew xi dehra bħal dik ta’ Danjel, tajjeb li fit-talb dejjem nidħlu b’mod konxju quddiem id-Divin. Nidħlu b’attitudni ta’ qadi, ta’ reverenza, ta’ stagħġib, ta’ umiltà, ta’ biża’ ta’ Alla.
Dawn l-appostli kienu l-istess appostli li aktar ’il quddiem narawhom ma’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani. Forsi f’dik ix-xena raw biss l-umanità ta’ Ġesù u, quddiem l-agunija tiegħu, ma setgħu jagħmlu xejn ħlief jorqdu biex jippruvaw jaħarbu u jinsew dak li kien se jiġri. Iżda biż-żmien ħarsu lura lejn dawn iż-żewġ ġrajjiet flimkien u forsi fit-tbatija u fl-agunija ftakru wkoll li jistgħu jiltaqgħu mad-Divin u jiksbu s-salvazzjoni. U għalhekk, aħna li forsi aktar ngħixu mal-oħrajn fis-sitwazzjoni ta’ tbatija, mard u inġustizzji, tajjeb li nibqgħu niftakru fit-Trasfigurazzjoni, f’Alla li jsalva anke matul u permezz ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Hu Alla li jibni tinda għalina, bħal dik is-sħaba li għattiet lill-appostli fuq it-Tabor, bħal dik is-sħaba li ħarġet il-poplu ta’ Israel mill-Eġittu.
Imma biex nibqgħu taħt dik is-sħaba rridu dejjem nisimgħu lilu, inħaddnu l-Kelma tiegħu kif tant saħaq Pietru fit-Tieni Qari: “Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.
Talba
Mulej Ġesù, filwaqt li nqimu d-divinità tiegħek u nistqarruk bħala l-Iben għażiż tal-Missier, agħmel li qalbna tkun attenta għall-Kelma tiegħek sabiex, fl-istennija tal-laqgħa miegħek wiċċ imb wiċċ fil-glorja kollha tiegħek, isservi ta’ fanal li twassalna għandek. Ammen.
The post Ibni l-għażiż appeared first on Behold.
Ikkummenta