Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Għad li l-Fariżej u l-Erodjani kienu kontra xulxin, dakinhar ingħaqdu flimkien biex iġarrbu lil Ġesù. Huma daħlu fin fin, jinċensaw lil Ġesù bi kliemhom qabel ma tefgħulu l-lixka permezz tal-mistoqsija tagħhom. Il-ħlas tat-taxxa kienet kwistjoni politika taħraq u tniggeż fil-Palestina tal-ewwel seklu billi l-Imperu Ruman, li kien pagan, kien jgħabbi lil-Lhud b’ħafna taxxi.
“Int x’jidhirlek?” staqsewh, “Sewwa jew le, li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (v.17). Fi kliem ieħor, sewwa jew le f’għajnejn Alla li wieħed iħallas it-taxxa lil imperatur pagan? Issa jekk Ġesù jwieġeb ‘sewwa’ jeħduha li qed jappoġja lir-Rumani u jmur kontra l-Lhud, u jekk iwieġeb ‘le’ daqs li kieku qed iqajjem rewwixta kontra r-Rumani.
Iżda Ġesù, ta’ mgħallem li hu, jieħu vantaġġ mill-ħażen ta’ moħħhom biex jitkellem fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla u jagħtihom tagħlima: “agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (v.21). Ladarba fuq il-munita tat-taxxa kien hemm wiċċ l-Imperatur Ruman, Tiberju Ċesari, meta jħallsu t-taxxa huma kienu qed iroddu lura lill-imperatur dak li hu tiegħu. Bi kliemu Ġesù jisfidhom biex iħarsu l-obbligi tagħhom lejn Alla daqs kemm iħarsu l-obbligi lejn Ċesari bħala ċittadini. Waħda mhix kontra l-oħra imma huma distinti u kumplimentari fl-istess ħin billi l-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna ddawwalna fuq kif għandna nimxu fl-affarijiet tad-dinja. Lil Ċesari nagħtuh biss dak li hu tiegħu, dak li hu ta’ Alla nagħtuh lil Alla.
Ċesari kien ordna li l-immaġini tiegħu tiġi mnaqqxa fuq il-muniti bil-kitba ‘bin id-divin Awgustu’ biex juri l-awtorità assoluta tiegħu fl-Imperu. Filwaqt li, sa mill-bidu, Alla naqqax ix-xbieha tiegħu fil-qalb ta’ kull bniedem, tana l-identità u d-dinjità ta’ wlied maħbuba tiegħu. Mela l-ewwel post f’ħajjitna għandna nagħtuh lilu għax aħna tiegħu. Aktar milli nonsbu u nġarrbu lil xulxin għanda nfittxu li rressqu lil xulxin lejn l-għajn tal-ħajja tagħna li hu l-Mulej.
Bil-mod ta’ kif qed ngħixu, nistgħu ngħidu li qed nagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla, jew aktar moħħna fil-ħwejjeġ tad-dinja? Qed inkunu xhieda tal-identità tagħna? Fil-ħajja ta’ kuljum, fil-familja, fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol, mal-ħbieb, qed noħorġu fid-deher ix-xbieha ta’ Alla li hemm imnaqqxa fina?
Talba
Roddu ħajr lil Mulej, għax hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. (Salm 136, 1-3)
The post Aħna ta’ Alla appeared first on Behold.
Ikkummenta