It-Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, kattar fina l-fidi, it-tama u l-imħabba, u agħmel li nħobbu l-kmandamenti tiegħek biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
L-Evanġelista San Mattew jippreżentalna wieħed Fariżew, għaref fil-Liġi, li, minkejja li l-Liġi kien jafha tajjeb ħafna, qalbu kienet ’il bogħod minn dak li tgħid l-istess Liġi. L-intenzjoni tiegħu ma kinitx ġenwina. L-iskop tiegħu kien li jġarrab lil Ġesù. Imma l-Imgħallem m’għandux kantunieri. Bħalma sadd ħalq is-Saduċej fuq il-qawmien mill-imwiet fir-rakkont preċedenti, hekk ukoll isodd ħalq dan l-għaref fil-Liġi li ttanta jġarrbu.
Fi żmien Ġesù, il-poplu ta’ Iżrael kellu diversi liġijiet u preċetti oħra. Kien hemm diskussjonijiet sħaħ fuq liema minn dawn il-kmandamenti kien l-akbar. Ġesù, li kapaċi jaqra l-qlub u dak li hemmm mistur fihom, għaraf l-intenzjoni moħbija ta’ dak li kellu quddiemu. U ta’ għaref veru li hu, ġabar il-liġijiet kollha fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn xulxin. Dan għamlu billi kkwota żewġ versi mill-istess Skrittura li dan l-għaref tal-Liġi suppost kien midħla tagħha. L-ewwel tweġiba, “Ħobb lilll-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu,” hija meħudha mill-Ktieb tad-Dewteronomju kapitlu 6 vers 5. Dan il-kmandament jindirizza l-imħabba assoluta lejn il-Missier. Il-tliet fakultajiet imsemmija (il-qalb, ir-ruħ u l-moħħ) jiġbru fihom l-għotja totali ta’ dak kollu li aħna lejn il-Missier. Mhix għotja maqsuma fiha nnifisha, imma hija waħda kompluta, totali, sħiħa.
Però Ġesù ma waqafx hemm. Hu, minn jeddu, kompla jwieġbu billi rabat l-imħabba lejn Alla ma’ dik tal-proxxmu … anzi stqarr li “t-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’” Din it-tweġiba nsibuha preċiż fil-ktieb tal-Levitiku kapitlu 19 vers 18. Skont Ġesù dawn iż-żewġ kmandamenti jmorru id f’id u huma l-qofol tal-Iskrittura kollha. Ma tistax tgħix waħda mingħajr l-oħra. Ma tistax tifridhom. Waħda torbot mal-oħra. It-tieni jixbah lill-ewwel. Anzi, it-tieni huwa l-mera tal-ewwel. Dan il-ħsieb insibuh ukoll fl-ewwel Ittra ta’ San Ġwann (1Ġw 4, 20b): “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” Għax tassew, kif tista’ tasal għand il-Mulej jekk mhux permezz tal-bnedmin?
Talba
Mulej, l-ewwel nett nitolbok issaffi fija l-intenzjoni. Mhux dejjem tkun perfetta, anke jekk minn barra tidher tajba. Inti taf sewwa x’hemm mistur f’qalbi. Aħfirli meta dak li hemm moħbi ma jaqbilx mal-kliem tiegħek. Aħfirli meta ppretendejt li nobbdi l-ewwel kmandament u warrabt fil-ġenb it-tieni. Aħfirli meta fridthom u rraġunajt li wieħed m’għandux x’jaqsam mal-ieħor.
Għinni sabiex nara lilek f’ta’ ħdejja, fil-kollega tax-xogħol, fil-qraba u fil-ħbieb. Għinni niftakar li hemm Inti wara kull persuna. Għinni niftakar li dak li nagħmel magħhom inkun qiegħed nagħmlu miegħek … u dak li ma nagħmilx magħhom inkun qiegħed ma nagħmlux miegħek. Ammen
The post Ħobb lil għajrek bħalek innifsek appeared first on Behold.
Ikkummenta