Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!

Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!

It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, fit-tjieba tiegħek biegħed minna kull għawġ, biex inkunu ħielsa fir-ruħ u l-ġisem, u naqduk bla xkiel ta’ xejn. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Il-Għerf isibuh dawk li jfittxuh.
Għerf 6, 12-16

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem,
malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,
u jsibuh dawk li jfittxuh.
Hu jħabrek biex jidher lil dawk li jixtiquh.
Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,
għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.
L-aqwa tal-għaqal hu li taħseb fl-għerf,
u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.
L-għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqulu,
kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,
u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.7-8

R/. (2b): Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax inti kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ. R/.

Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.
1 Tes 4, 13-18

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu. Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen ta’ l-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej.

Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

QARI II
Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.
1 Tes 4, 13-14

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 24, 42a.44

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet;
il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
R/. Hallelujah

Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!
Mt 25, 1-13

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn
ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Din il-parabbola hi parti minn tagħlim li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu ftit żmien qabel ġie arrestat. Fil-bidu ta’ dan it-tagħlim, insibu lil Ġesù jistqarr: “Araw li ħadd ma jqarraq bikom” (Mt 24, 4). It-tagħlima mhix komplikata u jagħtihielna Ġesù stess: “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.” Isegwu żewġ parabboli oħra, dik tat-talenti u dik tal-aħħar ġudizzju. Mela din hi parabbola dwar ir-realtà tal-mewt jew tat-Tieni Miġja tas-Salvatur Ġesù. ISHRU! Oqogħdu attenti. Kunu fuq l-alert. Torqdux. Tkunux qiskom illuppjati spiritwalment. Il-ġenerazzjoni tagħna għandha bżonn dixxipli attenti bħax-xebbiet għaqlin. Li tiltaqa’ mal-Għarus u hu jilqgħek ġewwa għandha tkun il-mira tagħna f’kulma nagħmlu. Ħarsitna fuqu. Widnejna attenti għal kliemu. L-imġiba tagħna morali trid tkun qaddisa. L-istandards tagħna m’għandhomx jiddgħajfu. Ma nistħux nistqarru li aħna u s-soċjetà tagħna nkunu boloh jekk ma nkunux ta’ Ġesù fi kliemna, fl-għażliet tagħna, fl-edukazzjoni tagħna. 

Għandi checklist li tfakkarni kuljum x’inhuma l-affarijiet essenzjali tal-ħajja Nisranija? Kif nista’ nuri l-konvinzjoni tiegħi li jien ta’ Ġesù f’dinja li tiċħdu u tiċħad lil min jgħid li hu tiegħu? Għandi ħbieb li magħhom naqsam l-esperjenzi tiegħi bħax-xebbiet għaqlin? 

Talba

Missierna, grazzi li tajtna lil Ġesù bħala ragħaj tajjeb li jieħu ħsiebna. Tħallina qatt mingħajr il-gwida tal-Ispirtu s-Santu. Ħeġġeġ lil moħħna u lil ruħna biex infittxu nkunu xhieda ta’ Ġesù, li nkunu dawl għal ħafna li ntilfu u jinsabu fid-dlam. Nagħmlu din it-talba f’isem Ġesù. Grazzi, Mulej.  

The post Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh! appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.