Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ammen.
Riflessjoni
Il-liturġija ta’ dan il-Wieħed u Tletin Ħadd Matul is-Sena tpoġġilna għar-riflessjoni tagħna l-messaġġ ta’ Ġesù għal dawk li jmexxu f’ismu l-Knisja u jiggwidaw il-Poplu Nisrani, u għalina lkoll bħala membri tal-istess Poplu. Fl-ewwel biċċa ta’ din is-silta Ġesù jindirizza lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, filwaqt li fit-tieni parti jindirizza lid-dixxipli tiegħu direttament u indirettament lill-bqija tan-nies li kienu qed jisimgħuh.
Ġesù jibda billi juża kliem iebes ħafna fil-konfront tal-mexxejja reliġjużi tal-poplu Lhudi, partikolarment il-kittieba u l-Fariżej li kienu responsabbli mit-tagħlim u l-applikazzjoni tal-liġi. Ġesù kien josserva l-istima għolja li l-poplu kellu lejn dawn il-mexxejja li kienu jafu tajjeb l-Iskrittura u japplikawha b’mod strett. U għalhekk iwissi lill-folla biex jiftħu għajnejhom u joqogħdu attenti ħalli ma jitqarrqux.
Ġesù ra periklu għall-poplu ta’ Alla għax l-ispiritwalità apparenti tal-mexxejja tiegħu ma kienet taqbel xejn ma’ dak li kien jixtieq Alla. Kienu jfittxu l-istima u l-ammirazzjoni tal-poplu, filwaqt li huma stess ma kinux jipprattikaw dak li jgħallmu. Fis-sinagoga, ir-rabbi kien ipoġġi fuq il-katedra (is-siġġu tat-tagħlim) ta’ Mosè biex jispjega l-Kotba Mqaddsa u l-Liġi, u allura dak li kienu jgħidu kien ta’ min jagħmlu u jħarsu, imma mill-banda l-oħra m’għandhomx jimitawhom għax “kliem biss għandhom, imma fatti xejn.”
Għalkemm forsi bħala moviment il-Fariżej m’għadhomx jeżistu, xorta waħda nilmħu din l-istess tip ta’ ipokresija u xi drabi ma nindunawx li xi ftit jew wisq naqgħu fiha lkoll. Il-fariżejiżmu jidher fina fin-nuqqas ta’ koerenza f’dak li ngħidu u nagħmlu flok inpoġġu fil-ħsieb tagħna l-ewwel u qabel kollox il-glorja ta’ Alla fis-servizz u l-qadi lill-oħrajn. Tista’ tidher meta nistennew apprezzament jew stima minn persuni oħra, u kull tip ta’ vanaglorja. Tista’ tidher meta ngħaddu ġudizzji u nikkritikaw mingħajr ma nkunu nafu l-fatti kollha, jew meta naħsbu li aħna dejjem għandna raġun u diffiċli biex inċedu l-argument u nikkonċedu li għandna tort.
Għall-kuntrarju, jeħtieġ li nagħrfu d-debolizza tagħna biex hekk nidraw naħfru u nħennu. Lil hinn mill-fittaġni żejda, legaliżmu, wegħdiet u devozzjonijiet fiergħa, jeħtieġ nikkonċentraw iktar fuq dak li nagħmlu bis-sempliċità, bi mħabba u b’ġenwinità.
Fit-tieni parti tas-silta, Ġesù jindirizza lid-dixxipli direttament (“intom”) u lilna indirettament (“ilkoll aħwa”). Il-Mulej Ġesù juża għal tliet darbiet il-kliem “wieħed hu”: M’għandna nagħmlu lil ħadd Alla tagħna. L-Imgħallem tagħna “wieħed hu,” Ġesù. Il-Missier tagħna “wieħed hu,” dak li hu fis-smewwiet. Il-mexxej tagħna “wieħed hu, il-Messija.”
F’kuntrast mal-mexxejja reliġjużi ta’ żmienu, Ġesù ried li l-mexxejja tal-Knisja jkunu qaddejja li joffru gwida u servizz skont it-tagħlim tiegħu—“Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Fil-Knisja, aħna lkoll dixxipli, ilkoll aħwa, ilkoll ulied. Il-membri tal-ġerarkija huma mexxejja b’“m” żgħira għax il-Mexxej bl-“m” kapitali hu Ġesù. U, minkejja dan, Hu stess xorta waħda fittex li jimxi b’umiltà u qadi, bħalma naraw fir-rakkont tal-ħasil tar-riġlejn waqt l-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu. Ġesù jagħlaq billi jenfasizza l-ħtieġa tal-umiltà: “min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.”
Talba
Sinjur Alla, jien għandi bżonnok. Dak li nagħmel irrid nagħmlu għall-imħabba tiegħek u għall-ġid ta’ ħuti l-bnedmin. Għinni nirbaħ in-natura tiegħi li f’kollox tfittex li tkun imfaħħra mill-oħrajn.
The post Kliem biss għandhom, imma fatti xejn appeared first on Behold.
Ikkummenta