avvizi parrocca

Avviżi – 18.02.2024

Avviżi – 18.02.2024  –  L-1 Ħadd tar-Randan

Għal matul ir-Randan u l-kumplament ta’ din is-sena qed nipproponu li ta’ spiss ngħidu t-talba “Sinjur Alla, agħtini l-grazzja li qatt ma nwarrab mill-ħsieb tiegħi l-preżenza tiegħek, Int li dejjem xhud ta’ kull ma naħseb, ngħid, u nagħmel.” (sentenza ta’ San Ġorġ Preca meħuda minn ’X’jitlob is-serv ta’ Alla wara t-tqarbin). Ngħiduha flimkien . . .

  1. Avviż dwar ir-Randan:
    • Matul ir-Randan, żmien speċjali għalina l-insara, qed nistiednu lil kulħadd għal sforz biex ninvestu aktar fil-ħajja spiritwali tagħna. Għalhekk, inħeġġu għas-sehem fil-quddiesa u li nsibu ħin għat-talb, kemm bħala familja u anke weħidna. Fil-Knisja, kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa fis-6.00pm tingħad il-Via Sagra u l-Ħamis fis-7.00pm ikollna mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Fil-parroċċa għandna wkoll il-Kappella tal-Adorazzjoni fuq barra tal-Oratorju Salesjan li tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ħadd, il-ġurnata kollha.
    • Nistednukom tattendu għal xi wieħed minn tliet korsijiet ta’ eżerċizzi spiritwali. L-ewwel wieħed, mit-Tnejn 26 ta’ Frar sal-Ġimgħa 1 ta’ Marzu ser ikun għall-miżżewġin u koppji oħra. Dan il-kors se jsir fil-Knisja, jibda fis-7.00pm u se jitmexxa minn Monsinjur Paul C. Vella. Aktar ‘il quddiem ser ikollna żewġ korsijiet oħra ta’ eżerċizzi għal kulħadd mifruxin fuq ħamest’ijiem, wieħed filgħodu fiċ-Ċentru Parrokkjali u ieħor bħala parti mill-quddiesa ta’ filgħaxija.
    • Bħala karità, ser ikollna tliet inizjattivi:
      • ħdejn il-bibien tal-Knisja se jkun hemm kaxxi biex inġibu affarijiet u oġġetti tal-ikel għall-familji fil-bżonn;
      • min jixtieq jagħti donazzjonijiet għall-karita’ jista’ jħallihom fil-kaxxa fuq il-mejda tal-offerti, bil-flus miġbura se jingħataw lis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika li jaħdem ma’ persuni jew familji li qed jgħixu fil-faqar jew li jinqalgħawlhom bżonnijiet kbar għall-għarrieda u jipprovdilhom għajnuniet differenti fosthom akkomodazzjoni temporanja u anke għajnuna professjonali. Il-karus ta’ imħabba li se jitqassam lit-tfal se jkun għal dan il-għan ukoll; u
      • Fit-tielet Ħadd ta’ Marzu se jkollna għoti ta’ demm fil-Mobile Blood Donation Unit li se tkun ħdejn il-Knisja.
    • Tajjeb li ma noqgħodux lura milli nuru ġenerożità mal-proxxmu, kulħadd bil-mezzi u l-modi li jista’, f’dan iż-żmien qawwi għalina bħala Knisja.
    • Bħala mezz ta’ Evanġelizzazzjoni u Kultura Nisranija fl-aħħar tar-Randan u matul il-Ġimgħa Mqaddsa, il-Grupp tal-Abbatini ser itella’ wirja fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdum.
  2. Avviżi oħra:
    • Il-M.U.S.E.U.M. tas-Subien ifakkar f’laqgħat ta’ formazzjoni li ser isiru l-ġimgħa d-dieħla għall-ġenituri li għandhom uliedhom jattendu l-qasam fil-parroċċa tagħna:
      • It-Tnejn 19/02: Għal dawk li uliedhom qegħdin minn Sena 1 sa Sena 4 (Year 2 sa Year 5 tal-Iskola);
      • Il-Ħamis 22/02: Għal dawk li uliedhom qegħdin mill-Preparatorja ‘l fuq (Year 6 tal-Iskola ‘l fuq).
      • Il-laqgħat ikunu fl-istess ħinijiet li t-tfal ikollhom id-duttrina.
    • Matul din il-ġimgħa l-katekisti tal-Museum Bniet ser ikunu qed jattendu l-Eżerċizzi spiritwali għalihom u b’hekk mhux ser ikun hemm lezzjonijiet tal-katekiżmu għall-bniet matul din il-ġimgħa.
  3. Matul din il-ġimgħa daħlu:
    • € 215 bħala donazzjonijiet b’risq il-manutenzjoni tal-bejt tal-knisja. Grazzi.
  4. Nitolbu għal Annie Bonello u Vicky Portelli li għaddew għal ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem . . .
  5. Fl-aħħarnett, il-parroċċa qed tippubblika r-rendikonti finanzjarji tal- festa ta’ Santa Marija li ċċelebrajna s-sena li għaddiet. Il-festa ta’ ġewwa swiet €14,848.82; id-dħul għaliha kien ta’ €15,125.13; u għalhekk fadal bilanċ ta’ €276.31. Il-festa ta’ barra, li f’isem il-parroċċa jieħu ħsiebha l-Kumitat Festa Esterna, swiet €27,788.30. Id-dħul ammonta għal €28,962.28 u għalhekk ġie reġistrat bilanċ ta’ €1,173.98.  Ir-rendikont dettaljat jinsab pubblikat għall-informazzjoni ta’ kulħadd fin-notice-boards ta’ barra l-Knisja. L-Arċipriet, il-kleru u l-kumitat tal-festa jirringrazzjaw lil kulħadd tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat kif ukoll lil diversi persuni li jagħtu ħinhom mingħajr ma jieħdu xejn lura biex seta’ jsir dan kollu u f’Awwissu ttellgħet festa lill-patruna tagħna Santa Marija. Il-ġabra fil-Knisja tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se tmur biex bil-mod il-mod nibdew inwarrbu xi ħaġa wkoll għall-festa ta’ sitt xhur oħra.
close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.