Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk

Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk

Tielet u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jekk ma twiddibx lill-midneb, demmu nfittxu minn idejk.
Eżek 33, 7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.

Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8): Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu illum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

L-imħabba hija l-milja tal-liġi.
Rum 13, 8-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fir-rakkont tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Mattew insibu pass pass ta’ kif għandna nikkoreġu lil xulxin fil-Knisja. Tajjeb ninnutaw li dawn l-istruzzjonijiet insibuhom eżatt wara l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, fejn ir-ragħaj jagħmel minn kollox u saħansitra jitlaq id-disgħa u disgħin l-oħra sa ma jsib lil dik li tkun intilfitlu (Mt 18, 12-14). Kif nistgħu, aħna l-bnedmin, inkunu ta’ rgħajja twajba għal xulxin? Kif ġab ruħu l-Mulej man-nagħġa l-mitlufa? U allura kif għandna nġibu ruħna aħna ma’ xi ħadd li tilef it-triq?  

Ir-ragħaj b’liema attitudni fittixha lin-nagħġa li ntilfitlu? B’attitudni ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, ta’ akkoljenza lura. Hija proprju b’din l-istess attitudni li aħna għandna nikkoreġu lil xulxin. Mhux b’disprezz jew b’ġudizzju jew b’superjorità. Illum nista’ nkun dak li nfittex, għada nista’ nkun dak li jfittxuni.

Dan l-episodju f’San Mattew tant ifakkarni fl-ambjent li wieħed isib ġol-familja. L-omm (jew il-missier) tkun qed tonqos jekk tara lil xi wieħed minn uliedha jisfratta u tħalli l-affarijiet għaddejjin. Tinkwieta fuqu għax tħobbu u tridlu l-ġid, titlob għalih, u xi darba ssib l-okkażjoni t-tajba u tkellmu waħdu. B’delikatezza tispjegalu l-ħsara li qed jagħmel lilu nnifsu. Bi mħabba tispjegalu li dik l-attitudni mhux se tagħmlu persuna aħjar. Ma tmurx ixxandru ma’ sħabu. Imma tkellmu ras imb ras għax tridlu l-ġid. Ma toħodhiex bi kbira li, ta’ tifel li hu, jirribella. Allura titkellimha ma‘ żewġha biex flimkien jaslu. Jista’ jkun li l-missier jara l-affarijiet b’mod iktar oġġettiv. U jekk lanqas mill-missier ma jkun irid jisma’, titkellimha ma’ ħutu. Dawk tamparu, u allura jifhmuh iktar. Bejn l-aħwa jaf ikun hemm ftehim li jniffed il-qlub. Huma wkoll iħobbuh u ma jridulu xejn ħlief ġid.  

U x’jiġri jekk lanqas minn ħutu ma jkun irid jisma’? L-Evanġelju jgħidilna: “żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” Xi tfisser din? Il-Mulej kien jiekol mal-pagani u l-pubblikani! Anzi, il-Mulej kien jagħżilhom u jsejħilhom hu: lil Żakkew, lil Marija Maddalena, u saħansitra lill-istess awtur ta’ dan ir-rakkont, Mattew innifsu. Kien il-Mulej stess li għajjatlu minn wara l-mejda tat-taxxi u qallu jmur warajh! Kif iġġib ruħha dik l-omm ma’ binha li ma jridx jisma’? Filwaqt li dak li hu ħażin tibqa’ ssejjaħlu ħażin, lil binha tibqa’ tħobbu u tindukrah għax hu binha. Minkejja d-dnub tiegħu, tibqa’ tħobbu u, bħar-ragħaj it-tajjeb, tibqa’ tfittxu … mhux għal seba’ darbiet, imma għal sebgħa u sebgħin darba. Naħseb li l-ġist tar-rakkont tal-lum proprju jinsab fl-aħħar vers: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” Huwa Hu li jġib l-għaqda bejnietna. Hu li jsib il-mitlufa. Aħna biss għodda f’idejh. 

Talba

Illum dak li qed titlob minni mhux faċli. Għinni ma niġġudikax għax jiena nara biss l-istampa ta’ barra. Nissel fija sentimenti ta’ ħniena, mogħdrija u maħfra. Neħħi minni kull sens ta’ superjorità għax dan iwassal biss għall-firda. Għinni sabiex dak li naħseb, dak li ngħid u dak li nagħmel iservu ta’ għajnuna u mhux ta’ tfixkil fl-għalqa tiegħek. Fakkarni li Inti miegħi timxi b’paċenzja liema bħala … biex hekk jiena wkoll nimxi l-istess ma’ ħaddieħor. Ammen.

The post Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk appeared first on Behold.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.