Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura

Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura

L-Imqaddsa Omm Alla Marija
Solennità

Kolletta

O Alla, int ridt li l-Imqaddsa Marija ssir Omm Ibnek u tibqa’ Vergni, u hekk offrejt lill-bnedmin kollha l-ġid ta’ salvazzjoni għal dejjem; agħmel li nħossu l-qawwa tat-talb tagħha għalina, aħna li biha lqajna lil min tana l-ħajja, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Isejħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom.
Num 6:22-27

Qari mill-Ktieb tan-Numri

Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
“Kellem lil Aron u lil uliedu u għidilhom:
‘Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom:
Ibierkek il-Mulej
u jħarsek!
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek,
u jurik il-ħniena!
Iħares lejk il-Mulej bi mħabba,
u jagħtik is-sliem!’.
Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Iżrael,
u jiena nberikhom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 66(67):2-3,5,6,8

R/.(2a). Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,
għax trieġi l-popli bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara.
Gal 4:4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: “Abbà! Missier!”. U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 1:1-2

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi
u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.
Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.
R. Hallelujah.

Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura.
Lq 2:16-21

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, ir-ragħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

L-ewwel jum tas-sena l-Knisja Kattolika tiddedikah lil Ommna Marija—Omm Alla. Marija Omm Alla għaliex binha Ġesù hu Alla u bniedem. Min jemmen fl-inkarnazzjoni jemmen f’dan ukoll, jiġifieri li Marija tista’ tissejjaħ bit-titlu ta’ Omm Alla. 

L-istess jum hu meqjus ukoll bħala Jum il-Paċi. Kull fejn insibu lil Ommna Marija, fl-Evanġelju u fid-dehriet tagħha lill-umanità, il-preżenza tagħha u l-messaġġ tagħha dejjem kienu ta’ paċi. Ġaladarba Binha Ġesù ġie fid-dinja sabiex nerġgħu niksbu l-paċi, mela Ommu Marija paċi biss taf twassal lill-umanità. Kemm għandna bżonn tal-paċi vera u dejjiema!

Sa ftit ilu ħsiebna li ċertu progress se jqarribna lejn xulxin. Il-pandemija għenitna niskopru li dan mhux minnu għalkollox. Hemm ħafna pożittiv, imma sfortunatament l-individwaliżmu għolla wisq rasu u għeleb it-tajjeb li bosta ħadmu għalih!

Huwa fis-solidarjetà ta’ bejnietna u fl-għaqda fraterna li nistgħu mill-ġdid insibu l-paċi vera. Nemmen li l-kriżijiet personali, dawk fis-soċjetà ta’ madwarna, u fid-dinja, jistgħu jingħelbu biss bil-bini u t-tisħiħ tal-komunità—ta’ komunità ta’ veru, u mhux niċeċ ta’ komunitajiet. Dawn joħolqu territorjaliżmu u piki, u dan kollu xi rriduh!

Tajjeb li nitolbu għall-paċi. Hekk għandna nagħmlu. Imma dan mhux biżżejjed: hemm bżonn li naħdmu għall-paċi bil-preżenza tagħna, bix-xhieda u bl-għemil. B’rieda tajba u bil-ftit ta’ kull wieħed u waħda minna, bis-solidarjetà ta’ xulxin u lejn xulxin, nistgħu nibnu flimkien il-komunità. Il-fidi f’Alla, il-fiduċja fit-tajjeb li hemm f’kull bniedem, l-imħabba diżinteressata li l-umanità għandha tant għatx għaliha jsaħħu t-tama li flimkien nistgħu nibnu l-komunità umana.

Ieqaf u aħseb

– Hemm paċi fik? Jekk m’hemmx, ara għaliex. Aktar ma jkun hemm paċi fik, aktar tista’ taħdem għall-paċi.
– Kemm qed taħdem għall-għaqda fil-komunità fejn qed tgħix, taħdem u tiddeverti?
– Dak li tgħid u tikteb qed iġib paċi?

Talba

Marija, Omm Ġesù u ommna, tħalliniex inqimuk bix-xuffejn biss. Għinna nersqu lejn Ibnek sabiex nagħmlu l-almu tagħna ħalli nkunu strumenti ta’ paċi u ta’ għaqda fil-fraternità.

Ammen

The post Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura appeared first on Behold.

close

Żomm ruħek aġġornat/a 👋
Ingħaqad mal-mailing list tal-Parroċċa

Aħna nieħdu ħsieb id-dettalji tiegħek u nimxu mar-regoli kollha tal-GDPR. Aqra l-privacy policy tagħna.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.