Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu

Tnejn u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek: nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li, bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxi ’l quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna, bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Il-Kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.
Ġer 20, 7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:
kont aqwa minni, u għelibtni.
Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,
kulħadd jiddieħak bija.
Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,
u nxandar, “Moħqrija u ħsara!”.
Il-kelma tal-Mulej saret għalija
tagħjir u tmaqdir kuljum.
U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,
ma nitkellimx aktar f’ismu.”
Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,
magħluq f’għadmi.
Għejejt inżommu magħluq ġo fija,
ma niflaħx aktar għalih.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 62 (63), 2. 3-4. 5-6. 8-9

℟.: Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. ℟.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. ℟.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. ℟.

Għax int kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi,
int tweżinni bil-leminija tiegħek. ℟.

Offru ġisimkom bħala vittma safja.
Rum 12, 1-2

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Efes 1, 17-18

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,
jagħtikom spirtu ta’ għerf,
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
℟. Hallelujah.

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.
Mt 16, 21-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.”

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tif]ir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ma nafx jekk qatt ippruvajtx iżżomm ponn ramel? Ħafna drabi aktar ma tipprova tagħlaq is-swaba u tagħmel ponn madwaru aktar jiżloq u tispiċċa b’xejn f’idek. Jekk trid iżżomm ir-ramel f’idek trid iżżomm idek miftuħa bħal donnu qed tittallab xi ħaġa. Hekk biss joqgħod sew ir-ramel. Meta Kristu, fl-Evanġelju tal-lum, jgħid, “min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha,” niftakar f’din l-esperjenza ta’ ponn ramel. Ir-ramel jista’ jkun simbolu  tas-salvazzjoni, jew forsi f’termini li ngħixuhom aktar fil-qrib, ir-ramel huwa l-veru paċi tal-qalb li tiġi meta taf li qed tagħmel ir-rieda ta’ Alla, kif naqraw fit-Tieni Qari. U Kristu llum jagħtina żewġ tagħlimiet importanti fuq kif niksbu dan.   

L-ewwel tagħlima hija li jekk irridu nimxu warajh u niksbu l-kuntentizza ma rridux ngħixu għalina biss. Id-dinja tagħmina bil-wegħdiet li, jekk jkollok aktar flus, jekk tkun popolari, u jekk ikollok il-poter, se tkun kuntent. Imma Kristu qed jgħid xi ħaġa differenti. Biex tikseb is-salvazzjoni, ħajjitna trid tkun dejjem b’idejna miftuħa: miftuħa li tilqa’ lill-oħrajn, miftuħa li tgħin lill-oħrajn, miftuħa wkoll bħal ta’ tallab li jaf li dak kollu li għandu jiġi minn Alla. Kemm nafu nies li ma ggranfawx ma ħajjithom għalihom stess imma taw ħajjithom għall-oħrajn. U għalhekk nemmnu li mhux biss kisbu l-glorja tal-ġenna imma f’din l-art stess għexu il-paċi tal-qalb. M’hemmx għalfejn naħsbu f’qaddisin kbar: nistgħu niftakru f’ħafna nies li jħobbuna fil-ħajja tagħna b’tant sagrifiċċji.  

U hawn niġu għat-tieni tagħlima ta’ Kristu llum li jgħidha ċar: meta tagħti ħajtek għall-oħrajn ipprepara ruħek li se tbati. Dan l-Evanġelju u l-Ewwel Qari, it-tnejn jitkellmu fuq is-sofferenza, il-persekuzzjoni, u saħansitra l-mewt.  Għalina, li aħna rrappreżentati minn Pietru f’dan l-Evanġelju, diffiċli nisimgħuha u ngħixuha. Nippreferu l-glorja u t-tifħir u l-pożizzjonijiet għolja, kif kellu Pietru fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda. U bir-raġun nibżgħu u nirreżistu! Imma Kristu qed jgħidilna li din biss hija t-triq tal-veru salvazzjoni u kuntentizza. Hu jagħmlilna l-kuraġġ għax hu mexiha kollha qabilna, u għalhekk issa jgħidilna biex nimxu warajh. Hu jkun magħna fil-mumenti kollha diffiċli għax hu għexhom u jaf x’jiġifieri.  

Talba

O Mulej, illum nixtiequ niftħu jdejna għar-rieda tiegħek, niftħu jdejna għall-oħrajn. Għinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom nibqgħu dejjem inħobbu għax dik l-imħabba ‘bħal nar jaqbad’ ma tista’ qatt tibqa’ magħluqa fina. 

The post Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu appeared first on Behold.

Ikkummenta

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.